Sena ġdida… drama ġdida

Bosta programmi bħalissa huma weqfin minħabba fil-festi tal-Milied. Għajr għal Elf Metodu li tixxandar il-Ħadd fuq One u F’Ġieħ L-Imħabba li tixxandar it-Tnejn fuq TVM, l-oħrajn twaqqfu.

Issa li bdejna sena ġdida, stennew li taraw il-programmi favoriti tagħkom lura fuq it-televiżjoni.

Sorelle se tkun qed tasal lura b’episodji ġodda mit-Tnejn 6 ta’ Jannar, fit-3pm fuq TVM.

Fl-istess ġurnata, iżda fuq l-istazzjon Net fid-8.45pm tkompli Iż-Żagħka, filwaqt li Fattigi se tkompli mill-Ħamis 9 ta’ Jannar

Martina (Fattigi)

Bla dubju ħafna huma dawk li qed jistennew is-sensiela L-Għarusa, li se tkompli fuq TVM mit-Tlieta 7 ta’ Jannar.

Ninsabu ċerti li ħafna huma dawk li se jkunu qed jsitennew il-jum tal-Erbgħa, il-jum assoċjat mas-sensiela Division 7. Iżda din is-sensiela se tkun qed tkompli f’April. Minflok, mill-Erbgħa 8 ta’ Jannar, għal 10 ġimgħat, se tkunu tistgħu ssegwu s-sensiela Game Over.

Dwar din is-sensiela nafu li hija miktuba minn Jonathan Azzopardi u hija mwassla minn DBA Entertainment, l-istess kumpanija li tatna Division 7. Fiha se nkunu qed naraw għadd ta’ atturi magħrufa fosthom Lara Azzopardi (Iċ-Ċaqqufa), Mario Gatt (F’Salib it-Toroq u Klassi Għalina), Matthew Sant Sultana (La Tħobbnix), Michela Borg Brincat (Ħbieb u Għedewwa), Manwel Cucciardi (Klassi Għalina), Clayton Pace (Id-Destin u Ġrajjiet in-Nannu Ċens), Liam Vella, Jayden John Bonanno, Jonathan Azzopardi, Sinclair Mifsud (L-Għarusa), u Mario Cassar (Min Imissu).

Uħud mill-atturi fis-sensiela Game Over

Minn Marzu mbagħad jasal staġun ġdid ta’ Division 7.

Minn Mejju mbagħad tasal is-sensiela ġdida Alla Magħna, li hija wkoll produzzjoni ta’ DBA Entertainment.

Fuq One ukoll stennew ukoll drama ġdida, li se tkun fuq tlett puntati. Din hija Merjen li għandha kitba ta’ Carlos Debattista bbażata fuq play ta’ Salvu Mallia. Is-serje maqsuma fuq tlett puntati għandha produzzjoni ta’ Take 2 Enetrtainemnt, l-istess dar ta’ produzzjoni ta’ Min Imissu.

Merjen se tkun qed tixxandar mill-Ġimgħa 17 ta’ Jannar.

Apparti din il-produzzjoni stennew ukoll minn April is-sensiela L-Ispettur, addattamanet televiżiv tal-produzzjonijiet teatrali ta’ L-Ispettur Bonnici ta’ Mario Philip Azzopardi.

Dan apparti r-ritorn tas-sensiela Ħbieb u Għedewwa, li se tkun qed tasal lura fi ftit ġimgħat oħra għas-sitt u l-aħħar staġun. L-ewwel ħames staġuni xxandru fuq TVM waqt li l-istaġun li jagħlaq għal kollox din is-sensiela se jkun qed jixxandar fuq stazzjon ieħor li Rewind se jkun qiegħed iħabbar fi ftit tal-ġranet oħra.