Seminaristi Venezuelani jibqgħu jipperseveraw fi żminijiet diffiċli

Seminaristi fil-Venezuela jgħinu persuni fil-bżonn.

“Il-ħajja hi d-dawl tal-bniedem. Id-dawl jiddi fid-dlam u d-dalma ma titfiehx”. Fid-dlam li fih tinsab il-Venezuela bħalissa, is-Seminarju ta’ Carupano qed ifittex li jkun “ix-xema żgħira li tista’ toffri tama lill-poplu – id-Dawl ta’ Kristu”.

L-Isqof Jaime José Villarroel ta’ Carúpano qed jara kemm id-dawl li joffri s-seminarju kif id-dlam li jinsab fih il-pajjiż. Hu ferħan bil-fedeltà u l-perseveranza tat-13 il-seminarist li hemm fis-seminarju Redemptoris Mater, li hu responsabbli għalih.

Il-karita’ Pontifiċja, Aid to Church in Need, li qed tgħin fil-Venezuela qalet li l-Isqof qed jara wkoll it-tbatija tal-poplu. Il-qtil u s-serq saru ħaġa ta’ kuljum. Il-faqar hu kbir u kontinwu. Biex wieħed jixtri par żarbun ġdid saret xi ħaġa li ħadd ma jaħseb fiha. Il-ħwejjeġ li jirċivu jaslu fis-seminarju f’mod misterjuż mil-Messiku biex jitqassmu lin-nies.

Ir-Rettur ts-Seminarju jgħid li, “aħna naqsmu l-ħobż tagħna ta’ kuljum ma’ kull persuna bil-ġuħ li tiġi tħabbat fuq il-bieb tas-Seminarju. Kuljum bejn 6 u 10 persuni, jiġu jħabbtu l-bieb tagħna għall-għajnuna, u jsibuha”.

Għajnuna

Ħbieb minn Spanja jibgħatulhom il-mediċini. Imma l-verità hi li n-nies fil-Venezuela ma jifilħux ikunu mordja għax ma jistgħux iħallsu għall-kura medika.  L-għalliema jgħllmu bla ma jitħallsu u kultant jingħataw xi ħaġa x’jieklu u spejjeż għall-ivjaġġar.

“Il-Knisja hi l-unika istituzzjoni tgħin lin-nies biex ikunu jistgħu jkomplu jġorru s-salib ta’ kuljum u tagħti tifsira lit-tbatija ta’ dawn in-nies”, qal ir-Rettur tas-Seminarju.  Ħafna nies huma grati lejna; sinjal li Alla ma abbandunahomx.

Wladimir Tesorero, wieħed mis-seminaristi jgħid li “ħafna nies għandhom tama żgħira. Ninduna kemm hu importanti is-Seminarju għalihom u nirringrazzja ‘l Alla li jagħtini l-opportunita li noffrilhom ftit tama”.