Seminaristi jirċievu stipendju 3 xhur tard għax il-bord ma kienx jaf bihom

Minn din is-sena akkademika, l-istudenti seminaristi Għawdxin ma baqgħux jirċievu stipendju. Madanakollu rċivew l-ewwel wieħed ilbieraħ, jum biss wara li Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-awtoritajiet konċernati.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, jidher li bħalissa fis-Seminarju ta’ Għawdex hemm inqas minn 10 seminaristi. Hu mifhum li l-aħħar stipendju li rċevew kien f’Ottubru, jiġifieri dak li jkopri x-xahar ta’ Settembru. Dan minħabba li s-seminaristi jieħdu stipendju matul is-sena kollha.
Jidher ukoll li din is-sena akkademika għadhom mingħajr smartcard u għaldaqstant mhux magħruf jekk jistgħux jużaw l-ammont li m’użawx is-sena li għaddiet.
L-istipendju lil studenti seminaristi Għawdxin li qed isegwu l-kors tagħhom fis-Seminarju ta’ Għawdex beda jingħata fl-1 ta’ Jannar 2010, b’rata normali ta’ stipendju, jiġifieri €83.86.  Kienet tingħatalhom ukoll smart card bl-istess rata ta’ kors ġenerali fl-Università ta’ Malta.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li l-Bord preżenti tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-istudenti qatt ma kien mgħarraf dwar dawn l-istudenti. Żied jgħid li dan minħabba li fl-amministrazzjoni preċedenti l-proċess ma kienx korrett. Spjega li meta l-bord sar jaf li kien hemm xi pagamenti li qed joħorġu lil xi studenti li l-Bord ma kellux dettalji tagħhom, ordna mill-ewwel li jitwaqqfu l-pagamenti kollha sakemm jiġi mistħarreġ il-każ u tingħata direzzjoni Ministerjali.
L-istess kelliem qal li wara li l-Bord ingħata kopja tal-awtorizzazzjoni li kienet saret mill-Ministru Dolores Cristina, saret rakkomandazzjoni lill-Ministru Evarist Bartolo li approva li dawn l-istudenti jibqgħu jingħataw l-istipendju. Ikkonferma li l-istipendji bdew jiġu proċessati u qed jaslu għand l-istudenti f’dawn il-jiem.
Qal ukoll li minn din is-sena d-dettalji tagħhom iridu jgħaddu għand il-Bord u mhux direttament lit-Teżor ta’ Għawdex.