Seminarista fdat biex iressaq il-Kelma t’Alla lejn in-nies

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech għadda l-Ministeru tal-Lettorat f’idejn is-seminarista Gabriel Vella, u b’hekk issa għandu d-dover li jressaq il-Kelma t’Alla lejn il-bnedmin.

Fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa li saret ilbieraħ fil-Knisja Parrokkjali Ta’ Sannat, l-Isqof Mario Grech tkellem fuq l-importanza tal-Kelma t’Alla. Ilbieraħ ħabat il-Ħadd tal-Kelma t’Alla. L-Isqof qal li l-Kelma t’Alla mhix biss ġo ktieb privileġġjat, iżda “tinsab f’ħoġorna u f’idejna. Hija t-tpespisa ta’ Alla f’widnejna.”

Mons. Grech indirizza lis-Seminarista Gabriel Vella u qallu li l-iżjed ħaġa li jrid iżomm f’moħħu hi li l-Kelma t’Alla tinsab qribu u ġo fih stess. Wissieh li fil-ħidma tiegħu fil-Knisja se jiltaqa’ ma’ sfidi kbar, iżda ħeġġu biex ma jaqtax qalbu.

“Ftakar li s-Saltna tas-smewwiet hi fil-qrib u għalhekk il-konverżjoni pastorali hija possibbli. Kun ġeneruż magħna. Agħmel li bil-ministeru li qed tirċievi llum, il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla, il-poplu ta’ Alla jkun jista’ jgħid tassew li ‘s-Saltna tas-smewwiet waslet’ fostna,” temm jgħid l-Isqof.