Seminar mill-ITS bil-għan li jtejjeb il-futur tal-gwidi

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) organizza seminar fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Gwidi bil-għan li jgħaqqad lill-gwidi tat-turisti liċenzjati flimkien mal-imsieħba konċernati, bil-għan li jitjieb il-futur tal-gwidi.

Fi stqarrija, l-ITS qal li kien hemm tliet kelliema ewlenin fis-seminar li rrappreżentaw lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-Unjin tal-Gwidi Turistiċi Maltin, u l-Università ta’ Malta. Tkellmu wkoll żewġ studenti tal-ITS li qed jattendu kors biex isiru gwidi. Din l-attività attirat madwar 70 persuna.
Skont l-ITS, gwida partikolari qalet li kien seminar interessanti li fih kellha l-opportunità li tiltaqa’ ma’ ħafna mill-kollegi tagħha taħt saqaf wieħed.
L-ITS qalet li wara li rċeviet suġġerimenti dwar is-seminar, l-għalliema tal-ITS u l-amministrazzjoni se jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw il-punti b’saħħithom tal-programm tal-istudji kif ukoll x’jista jsir aħjar.