Semgħu ħoss tal-brejks u raw lil Rodwan mal-art

Bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Tork ta’ 38 sena residenti San Pawl il-Baħar li jinsab mixli bil-qtil tat-tifel Libjan Rodwan Aghil, li kellu 10 snin.
L-inċident li wassal għall-mewt tat-tifel seħħ fit-30 ta’ Mejju li għadda f’Pembroke għall-ħabta tat-3.30 ta’ wara nofsinhar.
L-akkużat qed isostni li mhux ħati tal-akkużi li kien qed isuq bl-addoċċ, b’veloċità eċċessiva u li b’negliġenza kkaġuna l-mewt ta’ Rodwan.
Fil-Qorti xehdu l-koppja John u Jessica Davis li dakinhar kienu qed isuqu fl-istess triq meta ftit qabel l-inċident l-akkużat qabiżhom bil-karozza.
Intqal li kienu jgħaddu rimarki dwar is-sewqan peress li l-mara hija għalliema tas-sewqan.
Qalu li l-akkużat qabiżhom b’veloċità f’kantuniera, semgħu ħoss tal-brejks u raw it-tifel mal-art.
Xehed ukoll Ersin Hulur, Tork li kien passiġġier mal-akkużat u stqarr li ma jiftakarx li kienu qabżu l-karozza tal-koppja Davis.
Qal ukoll li l-akkużat kien qed isuq b’veloċità ta’ madwar 60 kilometru fis-siegħa.
Stqarr li f’ħin minnhom ra xi ħaġa tolqot il-windscreen iżda dam biex jirrealizza x’kien ġara.
Hulur spjega li l-akkużat qallu biex iċempel l-ambulanza u l-Pulizija iżda kien jinsab fi stat ta’ paniku u kellhom ikunu persuni oħra li ċemplu għall-għajnuna.
Xehdu wkoll il-Pulizija li qed imexxu l-prosekuzzjoni li qalu li Rodwan ma kellux identifikazzjoni fuqu u għalhekk avżaw id-distretti kollha fil-każ li jidħol rapport ta’ tifel nieqes.
Fil-Qorti ntqal ukoll li aktar tard dakinhar, qraba tal-vittma kienu marru l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan jistaqsu dwar Rodwan, li iżda kien miet aktar qabel fl-isptar għall-ħabta tal-4.30 ta’ wara nofsinhar. Kienu huma li identifikaw lit-tifel fil-kamra mortwarja.
L-akkużat kien oriġinarjament tressaq quddiem il-Qorti fl-1 ta’ Ġunju li għadda fejn kien ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000.