Sema mlewwen fil-Qrendi għal Santa Marija

Bejn illum u għada qiegħda tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Marija fil-Qrendi, totalment differenti minn kif tiġi ċċelebrata s-soltu minħabba l-miżuri tal-pandemija tal-Covid-19. Avolja b’diversi restrizzjonijiet, is-Soċjetà Mużikali Santa Marija flimkien mal-Għaqda tan-Nar fi ħdanha, kif ukoll il-Fratellanza tas-Santissimu Sagrament u l-Knisja Parrokjali ħejjew programm sabiex din il-festa tiġi ċċelebrata bl-aħjar mod possibbli.

Fil-Qrendi, illejla se tiġi ċċelebrata l-quddiesa solenni tal-Vġili tal-Għid tal-Assunta li tibda fis-6.30pm. Fis-6pm, l-Għaqda tan-Nar tas-Soċjetà Mużikali Santa Marija se tkun qed taħraq diversi murtali bi preparazzjoni għal din il-quddiesa. Dan apparti l-murtali li jinħarqu fit-8am u f’11.45am.

Is-Sibt, f’jum l-Għid tal-Assunta, se ssir il-Quddiesa Solenni tal-festa fis-7.30pm fil-pjazza prinċipali tal-Qrendi. Din kienet deċiżjoni għaqlija meħuda mill-Amministratur Parrokjali l-Kanonku Dun Mario Said u l-Fratellanza tas-Santissimu Sagrament, sabiex jingħata ċ-ċans li ħafna nies sabiex jattendu għal din il-funzjoni reliġjuża.

Il-Knisja Parrokjali tal-Qrendi ma tistax tilqa’ fiha aktar minn 64 persuna minħabba l-miżuri tal-Covid-19. Wara li nġiebu l-permessi mingħand il-Kurja Arċiveskovili, il-Korp tal-Pulizija u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, bdew isiru tħejjijiet sabiex is-Sibt issir il-Quddiesa Solenni barra.

Fil-pjazza prinċipali tal-Qrendi jista’ jkun hemm sa 300 persuna, li kollha se jidħlu minn entratura waħda u qabel ma jidħlu se titteħdilhom it-temperatura, kif ukoll se jkun hemm miżuri oħra ta’ prekawzjoni.

Fis-7pm, l-Għaqda tan-Nar se tkun qed taħraq salut, kaxxa infernali u murtali tal-10” bi preparazzjoni għall-Quddiesa Solenni li se tkun ikkonċelebrata mill-Kanonku Dun Mario Said, flimkien mal-Monsinjur Professur Dun Emmanuel Agius, il-Kanonku Dun Joseph Zammit u Dun Reuben Gauci. Il-Paneġierku se jkun minsuġ minn Patri Raymond Calleja, filwaqt li l-orkestra se tkun immexxija mis-Surmast Ray Sciberras u tindaqq il-mużika ta’ Carlo Diacono.

Wara li tintemm il-Quddiesa Solenni, l-Għaqda tan-Nar se tagħti spettaklu pirotekniku li jibda għad-9.15pm, fejn apparti diversi murtali tal-logħob, se tinħaraq kaxxa infernali spettakolari kif jafu jagħmlu l-artiġjani tan-nar tas-Soċjetà Mużikali Santa Marija tal-Qrendi.

Is-Soċjetà Mużikali Santa Marija tal-Qrendi tħeġġeġ lil dawk kollha li se jattendu għall-attivitajiet relatati mal-festa ta’ Santa Marija sabiex ikunu responsabbli ta’ xulxin, iżommu d-distanzi meħtieġa u fejn huwa possibbli kulħadd jilbes maskra jew visor.