Sellfuh €7,500 u f’sentejn tellgħuhomlu għal €220,000

Raġel u ibnu nżammu arrestati wara li allegatament sellfu €7,500 lil persuna oħra, u f'sentejn tellgħuhomlu għal €220,000 bl-imgħaxxijit eżorbitanti tagħhom.
Fil-Qorti nstema kif ir-raġel, li għandu 55 sena, u ibnu ta’ 26, kważi wasslu lir-raġel li sellfuh il-flus biex jagħmel suwiċidju minħabba d-djun li daħħluh fihom.
Minkejja x-xhieda tar-raġel, iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkuża miġjuba kontrihom, liema akkuża kienet li żammew rata għolja ħafna ta’ mgħax.
Il-Maġistrat Grazio Mercieca sema’ fil-Qorti kif dawn iż-żewġ persuni f’xi waqt minnhom kienu niżżlu l-ammont dovut għal €150,000.
Madankollu ma laqax it-talba tal-akkużati biex jinħelsu mill-arrest fuq pleġġ.