Self bla imgħax fuq id-depożitu tal-10% lill-first-time buyers

Read in English.

Il-Gvern ħabbar skema ġdida li l-għan tagħha huwa li tgħin lil first-time buyers li jkollhom taħt l-40 sena, li minkejja li huma eliġibbli għal self mill-bank fuq dar, ma jkollhomx il-likwidità meħtieġa biex iħallsu d-depożitu meħtieġ ta’ 10% fuq l-iffirmar tal-konvenju biex b’hekk isiru sidien ta’ darhom.

Din l-iskema qed isir bil-kollaborazzjoni tal-banek lokali APS u BOV.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-Gvern am setax jinjora l-bżonn ta’ żgħażagħ li minħabba li għal snin twal kienu jistudjaw ma kellhomx iċ-ċans li jġemmgħu biżejjed flus biex ikunu jistgħu jħallsu l-10%.

Huwa żied jgħid li kif tindika l-eliġibbiltà tal-iskema u l-mekkaniżmu ta’ kif qiegħda titħaddem, din l-iskema mhijiex qiegħda tinkoraġixxi d-dipendenza soċjali u li dan huwa mod ta’ kif qegħdin nagħtu l-qasba u mhux il-ħuta liż-żgħażagħ tagħna.

Stqarr li l-Gvern mhux qed jagħti l-flus ta’ xejn għaliex qal li fuq medda ta’ 25 sena se jkunu qegħdin iħallsu lura lil Gvern is-self tal-10% depożitu.

Lil dawk eliġibbli, il-Gvern se jkun qiegħed iħallsilhom, b’self, id-depożitu tal-10% biex ikunu jistgħu jixtru proprjetà li l-valur tagħha ma jeċċedix il-€175,000. Dan ifisser li l-ammont massimu li se jkun qiegħed joħroġ il-Gvern se jkun dak ta’ €17,500. Self li għalih, dak eliġibbli mhux se jkun qiegħed iħallas interessi fuqu hekk kif se jkun qiegħed jitħallas mill-Gvern. Madankollu, l-benefiċjarju huwa mitlub li jħallas lura s-self mogħti mill-Gvern li jkopri l-10% depożitu fuq medda ta’ 25 sena.

Il-Gvern qiegħed jinċentiva ukoll lil dawk il-benefiċjarji li jħallsu lura s-self fl-ewwel ħames snin jew bejn il-ħames u l-għaxar sena mid-data tas-self. Inċentiv ta’ skont fuq l-ammont dovut ta’ 5% għal dawk li jħallsu lura fi żmien 5 snin u 2% għal dawk li jħallsu lura bejn il-5 u l-10 sena.

Din l-iskema tapplika għal persuni li għandhom bejn il-21 u 39 sena u li d-dħul annwu aggregat bażi tas-sena preċedenti tad-data tal-applikazzjoni u l-assi tagħhom li ma jkunux jeċċedu dawn l-ammonti:

Kategorija Età tal-Applikant Dħul Globali
Persuna Waħedha 21 sa 30 sena Bejn €19,000  – €25,000
Persuna Waħedha 31 sa 39 sena Bejn €25,000  – €35,000
Koppja 21 sa 39 sena Bejn €19,000  – €35,000

L-applikant m’għandux ikollu assi kapitali ta’ aktar minn €17,500.

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jiftħu nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju u jistgħu jitniżżlu mis-sit housingauthority.gov.mt. Għal aktar informazzjoni l-pubbliku jistà jibgħat e-mail fuq  schemes.ha@ha.gov.mt jew iċempel lill-Awtorità tad-Djar fuq 22 991 120 jew 79 646 064.