Sejjer l-Għadira jew lejn iċ-Ċirkewwa?

L-Enemalta qed tkompli bil-proġett tagħha biex tbiddel il-cables antiki ta’ vultaġġ għoli (overhead high voltage lines) li jwasslu l-elettriku lejn il-parti ta’ fuq ta’ Malta u anke Għawdex.
Fi stqarrija, l-Enemalta fakkret li dan il-proġett, li jiswa €1.6 miljun, beda aktar kmieni din is-sena. Dan jinvolvi fit-tneħħija tal-itwal cables ta’ vultaġġ għoli li jinsabu bejn il-Mellieħa u l-Armier.
Minflokhom, qed jitpoġġew 10 kilometri cables ġodda taħt l-art li jipprovdu aktar flessibilità u l-affidabilità lill-provvista tal-elettriku fit-Tramuntana ta’ Malta u anke Għawdex.
Qabel is-sajf il-cables bdew jitpoġġew taħt l-art fil-Mellieħa u matul din il-ġimgħa se jibda x-xogħol fi Triq Louis Wettinger, magħrufa aħjar bħala l-Bypass tal-Mellieħa.
Kif trid tgħaddi jekk sejjer l-Għadira jew iċ-Ċirkewwa?
L-aċċess mill-Mellieħa għall-Għadira u ċ-Ċirkewwa mhux se jkun affetwat.
Il-karozza li sejrin l-Għadira mill-Mellieħa se jgħaddu minn Triq il-Moll (triq parallela mal-Bypass) u joħorġu lura fi Triq Louis Wettinger.
Fuq il-post tpoġġew tabelli apposta biex joffru direzzjoni għas-sewwieqa.
Ix-xogħlijiet se jiefqu matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija u anke l-festa tal-Bambina f’Settembru. Matul dawn il-ġimgħat it-traffiku se jgħaddu normali mill-Bypass mingħajr l-ebda devjazzjoni.
Ix-xogħol mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ Settembru.