Sejjer il-V18? Aħjar tara ftit x’se jkun it-temp…

Skont l-aħħar indikazzjonijiet mis-sit tal-bassara tat-temp indipendenti FirstMalta, il-kesħa li kellha tasal fuq il-pajjiż mhix se tilħaqna fi tmiem il-ġimgħa, wieħed importanti minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-V18.
Is-sit ifiehem kif is-sħana li ġejja mill-Afrika se tibqa’ taħkem fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u mhux se tippermetti li l-kesħa tasal sa fuq il-gżejjer Maltin kif oriġinarjament kien maħsub.
Mhux l-istess jista’ jingħad għar-riħ
Jidher li r-riħ se jilħaqna xorta waħda, dan hekk kif sistema ta’ pressjoni baxxa li tinsab fuq il-Greċja se taħbat ma’ sistema ta’ pressjoni għolja li tinsab lejn il-Punent tal-pajjiż.
Dan se jwassal sabiex il-Ħadd filgħodu r-riħ Punent Majjistru se jilħaqna b’qawwa ta’ Forza 7 li f’xi ħin mal-ġurnata jmiss il-Forza 8 u jibda jikkalma mal-lejl.
Ftit xita f’forma iżolata nhar il-Ħadd
Hekk kif jidher li s-Sibt filgħaxija ammont kbir ta’ nies mistenni jitilgħu l-belt Valletta għall-ftuħ u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-V18, jidher li x-xita mhux se tkun qed tilħaqna f’dawk il-ħinijiet.
Il-gżejjer Maltin se jintlaħqu biss minn ftit irxiex nhar il-Ħadd matul il-ġurnata, iżda l-ammonti mistennija jkunu minimi.
It-tbassir tat-temp għal tmiem il-ġimgħa
Is-Sibt: temp ġeneralment imsaħħab, it-temperaturi jilħqu l-ogħla ta’ 16C u l-inqas ta’ 11C, ir-riħ Tramuntana Forza 4/5
Il-Ħadd: ċans ta’ xita iżolata f’xi ħin matul il-ġurnata, itemperaturi jilħqu l-ogħla 16C, l-inqas 13C, riħ Punent Majjistru Forza 7, f’xi ħin qasir imiss Forza 8