“Sejħu elezzjoni għal Kap qabel ikun tard wisq” – appell lill-Kunsill Ġenerali

Read in English.

Attivisti għall-bidla fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li huma tal-fehma li Adrian Delia għandu jwarrab mill-kariga ta’ Kap qed jappellaw lill-Kunsilliera tal-Partit biex jinbeda l-proċess għal elezzjoni għal Kap ġdid.

F’messaġġ li bagħtu lill-membri tal-Kunsill Ġenerali, huma insistew li dan jeħtieġ li jsir “issa, mhux meta jkun tard wisq.”

Il-Kunsill Ġenerali se jitlaqqa’ nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju, biex jiddeċiedi fuq x’għandu jsir. Dan wara li Delia tilef żewġ voti ta’ fiduċja, wieħed fil-Grupp Parlamentari tal-PN u l-ieħor fost il-Kumitat Eżekuttiv.

Il-Kunsill irid jiddeċiedi bejn żewġ għażliet, li t-tnejn se jwasslu biex il-Partit isejjaħ konferenza ġenerali li fiha, it-tesserati jiġu mistiedna jivvutaw. Delia jippreferi li t-tesserati jkollhom vot ta’ fiduċja fih, iżda dawn li huma kontrih, inkluż il-maġġoranza tal-MPs tal-PN, iridu li ssir elezzjoni għal Kap ġdid.

L-attivisti qalu li l-Partit jinsab f’salib it-toroq, imma li l-pass li jmiss għandu jwassal għal Partit imġedded. Huma argumentaw li l-Partit ma jistax jaffordja li jistenna sentejn, sal-elezzjoni ġenerali, biex jagħraf li xi ħaġa mhix f’postha: “Meta xi ħadd jara organizzazzjoni bi problema, ma joqgħodx jistenna sentejn biex jagħmel xi ħaġa. U s-sinjali tal-problema huma ovvji u qed jaggravaw.”

Huma semmew kif il-PN tilef it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew, id-distakk fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kiber, u issa għad għandu biss 19 minn 68 kunsill. Enfasizzaw illi “dan meta għandna quddiemna Gvern mgħerreq fil-kriminalità Statali u fit-tixħim. Jiġifieri meta messna qegħdin ħafna aħjar. Dan kollu ngħiduh bl-istess diqa li tħossu intom.”

Ikkummentaw ukoll fuq stħarriġ riċenti li wera li tliet kwarti tal-Kunsilliera tilfu kull tama għall-elezzjoni li jmiss, u qalu li, “Din hi fil-fatt ħaġa tal-biża’: li intom, il-qalba tal-Partit, tkunu tant qalbkom maqtugħa inqas minn sentejn qabel elezzjoni ġenerali. Jekk m’aħna se nagħmlu xejn issa, il-Partit li tant inħobbu se jkun qed jaqla’ daqqa enormi fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Imma hemm x’nagħmlu biex noħorġu lill-Partit minn dan il-periklu kbir.”

L-attivisti irrikonoxxew il-fatt li Delia ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta jekk ikun hemm elezzjoni għal Kap, imma semmew ukoll kif oħrajn urew interess. Skonthom, huwa evidenti li jkun hemm għadd ta’ kandidati validi lesti li jservu u jgħaqqdu lill-Partit.

Huma temmew l-appell tagħhom billi qalu li l-Kunsill għandu għażla importanti quddiemu, u li ‘l quddiem, għad iħarsu lura b’sodisfazzjon jekk jagħrfu l-importanza li dan il-vot għandu għall-futur tal-Partit Nazzjonalista.

Il-messaġġ finali tagħhom kien, “Aħna lkoll inħobbu ħafna lill-Partit Nazzjonalista li għamel affarijiet kbar għal Malta. Ejja issa nerġgħu nqabbduh it-triq it-tajba biex nerġgħu nrabbu l-kuraġġ u nerġgħu ngawdu l-Partit li jixirqilna.”