Sejħa urġenti: Ir-riżerva tad-demm tibqa’ baxxa ħafna

Minkejja li matul tmiem il-ġimgħa għadd ta’ persuni taw id-demm, ir-riżerva tad-demm għadha baxxa ħafna u għalhekk l-appell urġenti jippersisti.
Fi stqarrija, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm saħaq li d-domanda tant hi kbira li l-għotjiet li saru ma kinux biżżejjed
Fost l-iżjed urġenti hemm bżonn demm tal-grupp O Positive.
Nhar is-Sibt li għadda, uffiċjal mis-Servizz tat-Trasfużjoni tad-Demm qal li l-Bank tad-Demm għandu bżonn mill-inqas 300 borża demm fi tlett ijiem, dan hekk kif jiġu kkunsmati madwar 50 borża kuljuma.
Ilbieraħ, l-istess uffiċjal fakkar li ġieli persuna waqt operazzjoni toħodlok 4 boroż demm, jiġifieri ta’ 4 persuni f’daqqa, allura n-numri aktarx jagħtu impressjoni mhux eżatta ta’ kemm fil-fatt inġabar demm.
Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa jiftaħ kuljum (inkluż il-Ħdud u l-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.
Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru, il-Mobile Blood Donation Unit ser ikun maġenb il-Knisja tal-Imqabba mit-8:30am sas 1:00pm u l-Ħadd, fl-istess ħinjiet, ser ikun maġenb il-knisja parrokkjali tal-Qawra.  
Nhar il-Ħadd ukoll, wieħed jista’ jagħti d-demm  fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex mit-8:00am sas-1:00pm
Huwa importanti li wieħedj ieħu miegħu l-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
Xerred dan l-artiklu biex is-sejħa tasal għand iżjed nies.