Sejħa uffiċjali għal kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista ħarġet is-sejħa uffiċjali għal dawk li huma interessati jikkontestaw għall-irwol ta’ Kap tal-PN.

Din is-sejħa ħarġet wara li l-maġġoranza tal-Kunsill Ġenerali vvutaw li għandha tissejjaħ elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista s-Sibt li għadda. Dan il-vot issejjaħ wara li l-Kap kurrenti, Adrian Delia, rċieva żewġ voti ta’ sfiduċja, wieħed mill-Grupp Parlamentari u ieħor mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN. Il-Kunsilliera kellhom għażla bejn li l-partit imur għal elezzjoni tal-Kap tal-PN fost it-tesserati, jew inkella jmur għal vot ta’ fiduċja f’Delia.

Is-sejħa saret fuq il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista fejn kien spjegat li din kienet qed issir skont l-artiklu 90 (a) tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista. Dawk li jixtiequ jikkontestaw iridu jkunu tesserati tal-partit u għandhom jiddikjaraw l-interess tagħhom bil-miktub liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali permezz ta’ email fuq kummissjoni@pn.org.mt sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn 10 ta’ Awwissu fit-3pm. Fis-sejħa ffirmata mill-President tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN l-avukat Peter Fenech kien spjegat li kull dikjarazzjoni kienet se tingħata rċevuta bl-email.

Nhar is-Sibt li għadda, 659 kunsillier ivvutaw li l-PN għandu jirrikorri għal konferma tal-kap. Intant 839 Kunsillier għażlu li l-Partit Nazzjonalista għandu jmur għal Elezzjoni tal-Kap. 11-il vot kien invalidu.

Propju wara li ħareġ ir-riżultat, il-Kap tal-PN Adrian Delia indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn ikkonferma li se jkun qed jitfa’ n-nomina tiegħu biex jikkontesta bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Qal li issa, id-destin tal-PN qiegħed f’idejn it-tesserati.

Intant, konferenza oħra tal-aħbarijiet li segwiet dik ta’ Delia u li kienet immexxija mill-Membri Parlamentari li fl-aħħar ġimgħat ħadmu biex ikun hemm bidla fit-tmexxija tal-PN u l-Oppożizzjoni, Chris Said qal li Delia bidel il-vot tal-Kunsill Ġenerali f’vot ta’ fiduċja u tilfu.