Sejħa ta’ interess għall-ewwel dar għal persuni b’diżabilità f’Għawdex

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, ħabbret li li l-ġimgħa d-dieħla se toħroġ sejħa ta’ interess biex f’Għawdex ikun hemm l-ewwel dar residenzjali għall-persuni b’diżabilità.
Dan qalitu waqt it-tnedija ta’ inizjattiva ġdida biex  jibda jingħata premju lil persuni li jkunu taw kontribut siewi u għamlu differenza fil-ħajja ta’ persuni b’diżabilità.
Il-premju l-ġdid se jkun jikkonsisti fi tlett kategoriji:
– Premju speċjali għal impenn fis-settur tad-diżabilità
– Premju għal dik il-persuna jew organizzazjoni li ħalliet marka fuq il-qasam
– Premju għal-azzjoni diretta u attiviżmu minn persuni b’diżabilità
Justyne Caruana spjegat li l-premju se jibda jingħata wara proċess ta’ għażla minn bord indipendenti li l-għan tiegħu jkun li jagħżel il-persuna li ħaqqa tirċievi dan il-premju.
Il-premju se jibda jingħata f’Diċembru, fil-ġimgħa ddedikata lid-diżabilità.
It-tnedija tal-inizjattiva saret f’Għawdex biex fi kliem is-Segretarju Parlamentari jasal il-messaġġ li f’Għawdex se jbda jingħata importanza is-settur tad-diżabilità. Ħabbret ukoll li fix-xhur li ġejjin  se jibdew jingħataw servizzi li qatt ma ġew offruti qabel f’Għawdex.