Sejħa pubblika għall-irwol ta’ Kap Eżekuttiv għall-MGA

Read in English.

L-Awtorità Maltija għal-logħob (MGA) ħarġet sejħa pubblika sabiex jimtela l-irwol vakant ta’ kap eżekuttiv.

Il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri qal li din hija l-ewwel darba li l-ogħla kariga fi ħdan l-Awtorità se tkun qed timtela permezz ta’ sejħa pubblika. Żied li dan ikompli jsaħħaħ it-trasparenza u l-kredibilità li permezz tagħha se jkun appuntat kap eżekuttiv ġdid għall-Awtorità. Huwa kkumplimenta x-xogħol tal-Awtorità sabiex tkun issalvagwardjata l-ġuriżdizzjoni Maltija f’dan il-qasam.

Il-Ministru Schembri semma li bl-istess mod li qed isir f’entitajiet u f’awtoritajiet oħra, is-sejħa pubblika tal-Awtorità Maltija għal-Logħob turi l-awtonomija ta’ istituzzjonijiet ewlenin fil-Gżejjer Maltin, kif ukoll l-impenn tal-gvern li joħroġ dawn is-sejħiet fl-istess waqt li jingħataw l-għodod neċessarji u r-riżorsi għall-operat tagħhom.

L-applikazzjonijiet għal dan l-irwol jagħlqu nhar it-Tnejn l-4 ta’ Jannar f’12pm. Għal iktar dettalji wieħed jista’ jżur www.mga.org.mt/call-for-applications-for-the-vacant-post-of-mga-ceo/.

Fit-28 t’Ottubru li għadda l-Kap Eżekuttiv tal-MGA Heathcliff Farrugia kien irriżenja mill-irwol tiegħu. Dakinhar irreżenja wkoll il-Kap Uffiċjal għal Awtorizzazzjonijiet Karl Brincat Peplow.

Fi stqarrija l-Gvern ma kienx ta r-raġuni għal dawn iż-żewġ riżenji. Il-ġurnal Times of Malta kien żvela wkoll li Farrugia kien ġie interrogat mill-Pulizija minħabba chat li kellu ma’ Yorgen Fenech.