Sejħa pubblika għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju tal-Pulizija

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Read in English.

Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ħabbret li ħarġet is-sejħa pubblika biex timtela’ l-pożizzjoni ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Fi stqarrija mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni ġie spjegat li din hija l-ewwel darba li l-mili tal-irwol tal-Kummissarju qed issir permezz ta’ għażla miftuħa għal kulħadd, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

L-applikazzjonijiet se jkunu qed jintlaqgħu mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku sa nhar it-Tnejn, 11 ta’ Mejju 2020, u jistgħu jiġu sottomessi elettronikament. Id-dettalji dwar is-sejħa jistgħu jinkisbu permezz tal-avviż ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-lum.

Intant, il-Ministeru għall-Intern laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar tas-sejħa għall-Kummisarju tal-Pulizija. Fi stqarrija ġie spjegat li dan il-pass qed isir wara li l-Parlament approva metodu ġdid għal ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Din l-approvazzjoni tal-Parlament wasslet sabiex għall-ewwel darba fl-istorja, il-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar b’sejħa pubblika u bi proċess ta’ skrutinju mill-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi fil-Parlament. Il-Ministeru sostna li b’hekk, il-proċess se jkun aktar miftuħ u trasparenti, hekk kif se jnaqqas l-involviment tal-politiċi. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif f’dan il-perjodu l-poplu Malti u Għawdxi għaraf aktar minn qatt qabel l-importanza tal-Korp tal-Pulizija.

Qabel ma aġġorna għall-btajjel tal-Għid, il-Parlament approva b’34 vot favur u 24 kontra, l-emendi tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Pulizija fit-tielet qari, biex b’hekk dawn l-emendi għaddew mill-istadji kollha tal-Parlament u mistennija jsiru liġi. L-emenda prinċipali fil-liġi kienet il-mod kif se jintgħażel il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.