Sejħa lill-Kunsilli Lokali Għawdxin għall-gym fil-beraħ fil-lokalità

MGOZ

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, nieda skema biex il-kunsilli lokali jidentifikaw u jwaqqfu gym fil-beraħ jew żona fejn wieħed jista’ jagħmel attività fiżika fil-lokalità tagħhom.

Il-Ministru Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet qal li permezz tad-Direttorat ta’ EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru se jkun qiegħed jagħti għajnuna lil kull kunsill lokali sa massimu ta’ €5,000 jew sa 85% tal-ispiża sabiex isir gym fil-beraħ. Żied li għalkemm il-gyms reġgħu fetħu bosta huma dawk li jippreferu jagħmlu attività barra speċjalment f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Il-Ministru żied li, “Kulħadd jaf kemm l-eżerċizzju huwa importanti, u din l-inizjattiva se tkun qed tgħin sabiex Għawdex ikollu iktar spazji miftuħin pubbliċi u open gyms jew fitness zones mgħammra tajjeb fejn in-nies ta’ kull età jistgħu jagħmlu l-eżerċizzju ta’ kuljum tagħhom.”

Huwa ħeġġeġ lill-kunsilli lokali kollha li għad m’għandhomx outdoor gyms sabiex jieħdu l-opportunità u japplikaw għal din l-iskema li minnha se jkunu qed igawdu r-residenti fil-lokalitajiet Għawdxin kollha.

Il-kunsilli lokali se jkunu qegħdin jirċievu l-applikazzjoni fil-jiem li ġejjin mid-direttorat EkoGħawdex sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal din l-iskema.