Sejħa għall-offerti biex isir parkeġġ taħt l-art f’Bormla

Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura se jippubblika sejħa għall-offerti għall-iżvilupp u l-operat ta’ parkeġġ taħt l-art fiż-żona ta’ Santa Margarita f’Bormla.
Dan jinkludi wkoll l-iżvilupp u t-tisbieħ madwar il-parkeġġ.
Din is-sejħa se tkun ippubblikata nhar it-Tlieta 2 ta’ Settembru u se tagħlaq fit-23 ta’ Ottubru li ġej.
Aktar kmieni dan ix-xahar, Newsbook.com.mt kien irrapporta kif kienet għaddejja l-evalwazzjoni fuq dan il-proġett li suppost diġa’ huwa lest.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura kienet qalet li l-Gvern għadu qed jevalwa x’inhuma l-aħjar soluzzjonijiet għal din iż-żona. 
L-istqarrija tal-Ministeru ssostni li l-Gvern preċedenti kien wiegħed li jinbena parkeġġ taħt l-art iżda ma sarx.
Jingħad li f’dawn l-aħħar snin, kienu bosta r-residenti li esprimew it-tħassib tagħhom li minħabba l-proġett tal-Baċir Numru Wieħed, tneħħew spazji għall-parkeġġ.