Sejħa għall-bojkott tal-film Mulan ta’ Disney

Ir-remake tal-film animat Mulan ta’ Disney ntlaqat minn appelli biex ikun bojkottjat wara li l-attriċi prinċipali tat l-appoġġ tagħha lill-Pulizija ta’ Hong Kong li qed joħduha kontra d-dimostranti f’dak il-pajjiż li issa jagħmel parti miċ-Ċina.

L-attriċi Ċiniża Liu Yifei, li tgawdi minn ċittadinanza Amerikana, poġġiet messaġġ favur il-Pulizija ta’ Hong Kong fuq Weibo, sit tal-midja soċjali Ċiniż. Hong Kong għal dawn l-aħħar 11-il ġimgħa ntlaqtet minn protesti vjolenti għad-demokrazija. Il-Pulizija ġew akkużati li kienu goffi mad-dimostranti u li sawtuhom. Anki n-Nazzjonijiet Uniti ħarġu b’din l-akkuża.

RitrattL Riratt: X’qed jinkiteb fuq You Tube dwar Mulan u l-attriċi Liu Yifei

Liu Yifei kitbet post fuq Weibo li ħaditu minn gazzetta ta’ Beijing li kien jgħid: “Jien nappoġġja lill-Pulizija ta’ Hong Kong. Issa tistgħu ssawtuni.” Imbagħad kompliet tikteb: “X’għarukaża għal Hong Kong.”

Il-kwotazzjoni jingħad li kienu l-kliem ta’ reporter għall-gazzetta tal-Istat Global Times li kien attakkat mid-dimostranti meta akkużawh li kien aġent sigriet tal-Pulizija.

L-attriċi rċeviet bosta tifħir fuq Weibo li hi ċċensurata mill-Istat Ċiniż. Imma ma kienx l-istess fuq Twitter li hu bbanjat fiċ-Ċina. Inkitbu ruxxmata ta’ tweets kontriha talli kitbet favur il-Pulizija ta’ Hong Kong u xi wħud fakkruha li hi ma tistax tifhem il-qagħda ta’ dawk f’Hong Kong għax tgawdi minn ċittadinanza Amerikana. Xi ħadd kiteb li Liu Yifei farrket wieħed mill-aktar karattri ta’ Disney li kienet tħobb.

Sadattant it-trailer uffiċjali tal-film fuq You Tube kellu aktar minn 25 miljun view. Eluf kbar minnhom kitbu wkoll kontra l-attriċi u biex il-film ikun bojkottjat.

Il-film Mulan mistenni joħroġ f’Marzu tas-sena d-dieħla.