Sejħa għal soluzzjonijiet li jħarsu l-valuri Ewropej fil-migrazzjoni

Read in English.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen, qalet li l-immigrazzjoni dejjem kienet realtà fl-Ewropa u dejjem se tibqa’, u fakkret kif din tarrikixxi s-soċjetà tagħna u ġġib talenti ġodda għall-Ewropa, meta tkun ġestita b’mod tajjeb. Madankollu, ammettiet li l-UE għandha quddiemha bosta sfidi: “Is-sistema preżenti m’għadhiex tajba. Il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil joffri bidu ġdid”.

Von der Leyen qalet dan waqt li kienet qed tindirizza lill-Konferenza Interparlamentari dwar il-Migrazzjoni, organizzata mill-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, u dak tal-Bundestag, Wolfgang Schäuble, permezz ta’ vidjokonferenza.

Il-President tal-Kummissjoni sostniet l-importanza “li l-UE tibni sistema li tħares lejn il-migrazzjoni fuq tul ta’ żmien u li tkun imsejsa fuq il-valuri Ewropej”, b’referenza għall-proposti mressqa f’Settembru li għadda.

Biex tinstab “soluzzjoni sostenibbli”, hija ħeġġet lil dawk kollha involuti, Parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew u l-Gvernijiet nazzjonali, biex jaħdmu flimkien b’mod li jagħrfu u jegħlbu sfidi eżistenti. Hija appellat għall-bżonn li tintwera solidarjetà lejn l-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE biex it-tħassib tagħhom jinstema’ u jkun diskuss.

Il-President tal-PE David Sassoli fakkar kif “wara n-numri tal-immigrazzjoni hemm persuni, kollha bl-istorja tagħhom”, u żied li “in-nies iridu jkunu fil-qalb ta’ kull politika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-ażil”. Huwa fakkar fit-traġedja riċenti qrib il-kosta tal-Libja fejn tarbija ta’ sitt xhur mill-Ginea għereq u tilef ħajtu. Huwa fakkar kif il-fruntieri tal-Italja, Spanja, il-Greċja u Malta huma fruntieri Ewropej – jiġifieri responsabbiltà tal-Unjoni kollha.

Wolfgang Schäuble, President tal-Bundestag, il-Parlament Ġermaniż, ammetta li m’hemmx soluzzjonijiet faċli. “Iridu nirrispettaw l-obbligi umanitarji tagħna l-ewwel u qabel kollox li nsalvaw il-ħajjiet fil-baħar”. Iżda xi kultant ikollna nikkoperaw ma’ reġimi dubjużi. Huwa wissa’  t-traffikanti jistgħu jużaw l-ideali tal-UE għall-benefiċċju tagħhom u għalhekk “rridu nuru li kapaċi nibagħtu n-nies lura wkoll biex ma noħolqux inċentivi foloz”.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-iSpeakers tal-Parlament Portugiż u dak Sloven Eduardo Ferro Rodrigues u Igor Zorčič, żewġ pajjiżi li jiffurmaw parti mit-trio tal-Presidenza. 

Ferro Rodrigues qal li l-migrazzjoni hija fenomenu globali u l-UE għandha tirrispetta l-valuri tagħha meta tieħu d-deċiżjonijiet f’dan il-qasam. “Hemm ħafna xogħol xi jsir fis-snin li ġejjin, u l-Patt Ewropew il-ġdid huwa bażi għal dan”. Min-naħa tiegħu Zorčič ammetta li s-sistema attwali kienet dgħajfa wisq u esprima tama li l-UE tista’ toħoloq qafas effiċjenti li jikkunsidra s-sistema ta’ kull Stat Membru.