Sejħa lill-privat għal faċilitajiet ġodda fil-Park tal-Familja

Fit-30 ta’ Marzu li ġej il-Gvern se joħroġ sejħa ta’ interess għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet ġodda fil-Park tal-Familja f’Marsaskala.
Dan qalu dalgħodu l-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-istess park. Żied jgħid li r-responsabbiltà tal-park xorta se tibqa’ f’idejn il-Gvern u li l-qliegħ mill-faċilitajiet il-ġodda se jintużaw biex jiġi żviluppat il-park.
L-inħawi fil-park li qed jiġu kkunsidrati li jiġu kkumerċjalizzati jinkludu l-istalel, ir-restorant, l-inħawi tal-kappella, l-amfiteatru, l-ispazju intenzjonat li jintuza għal attivitajiet fil-beraħ u ċ-ċentru agrikolu.
Il-Ministru Brincat sostna li l-Gvern se jikkunsidra wkoll proposti għal żvilupp ta’ faċilitajiet ġodda sportivi.
Saħaq li l-aċċess għall-park se jibqa’ b’xejn ħlief għas-servizzi ġodda li se jiġu introdotti b’riżultat ta’ din is-sejħa.
Huwa qal li d-data tal-għeluq tas-sejħa ta’ interess se titħabbar aktar ‘il quddiem.