Sejħa għal operatur taħt il-Fondi Norveġiżi

Infetħet sejħa biex jinstab operatur għall-Fond taċ-Ċittadini Attivi taħt il-Fondi Norveġiżi.
Fi stqarrija, il-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej Ian Borg spjega li l-allokazzjoni għal Malta taħt dan il-Fond hi ta’ €700,000.
Min-naħa l-oħra, spjega kif id-Diviżjoni tal-Fondi u Programmi fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej tamministra wkoll il-Fondi Norveġiżi u l-Unjoni Ekonomika Ewropea, magħrufa aħjar bħala n-Norway/EEA Grants.
Żied jgħid li l-allokazzjoni għal Malta taħt dan il-programm hi ta’ €8 miljun.
Is-Segretarju Parlamentaru spjega li malli jintgħażel l-operatur, il-Fond taċ-Ċittadini Attivi se jkun miftuħ għall-Għaqdiet Mhux Governattivi biex jissottomettu l-proġetti.
Il-proġetti sottomessi jridu jaqgħu taħt il-prijoritajiet demokrazija, ċittadinanza attiva, governanza tajba u trasparenza; drittijiet umani u trattament ugwali; ġustizzja soċjali u inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli; ugwaljanza bejn is-sessi u vjolenza; jew ambjent u tibdil fil-klima.
Din is-sejħa se tagħlaq fl-1 ta’ Ġunju li ġej.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri