Sejħa għal kitbiet għall-Cospicua Short Play Festival

Il-Kunsill Lokali Bormla sejjer jorganizza The Cospicua Short Play Festival li se isir il-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru, 2020, u s-Sibt, 5 ta’ Settembru, 2020. Il-Ħadd, 6 ta’ Settembru, 2020, sejra ssir iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet. Il-postijiet fejn sejrin isiru r-rappreżentazzjonijiet f’Bormla, jiġu magħżula mill-Kunsill Lokali Bormla.

Il-Kunsill sejjer ikun qiegħed jidentifika s-siti ta’ Bormla u jikkonsulta mal-produzzjonijiet magħżula bil-għan illi dawn tal-aħħar jingħataw l-opportunità li jagħżlu huma s-sit fejn tkun sejra tittella’ l-produzzjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil il-Kunsill Lokali Bormla jirriserva d-dritt illi jtella’ bil-polza l-post għal kull parteċipant.

Mill-applikazzjonijiet kollha sad-data tal-għeluq, il-Kunsill Lokali Bormla sejjer ikun qiegħed jagħżel sitt (6) produzzjonijiet biss għal  The Cospicua Short Play Festival 2020. L-għażla sejra tkun qegħda ssir fuq parir tekniku ta’ ġurija komposta minn tliet (3) esperti fil-qasam appuntati mill-Kunsill Lokali Bormla, liema esperti bl-ebda mod m’għandhom ikollhom rabta ma’ xi waħda mis-sottomissjonijiet.

Hekk kif jiġu magħżula s-sitt (6) produzzjonijiet għal din l-edizzjoni ta’ The Cospicua Short Play Festival 2020, kull awtur sejjer ikun qiegħed jiġi mitlub jgħaddi lill-Kunsill Lokali Bormla d-dettalji tal-grupp jew kumpanija teatrali li sejjer/sejra ikun/tkun qiegħed/qegħda jaħdem/taħdem magħha. M’huwiex sejjer ikun permess illi xi grupp jew kumpanija teatrali ikollha aktar minn żewġ produzzjonijiet.

Kull parteċipant magħżul sabiex jipparteċipa fil-festival sejjer ikun obligat jagħmel tliet (3) rappreżentazzjonijiet il-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru, 2020, u tliet (3) rappreżentazzjonijiet oħra s-Sibt, 5 ta’ Settembru, 2020. Ħinijiet jiġu deċiżi aktar ‘il quddiem mill-Kunsill Lokali Bormla. Sejjer jiġi mogħti apparat tekniku għal kull produzzjoni mill-Kunsill Lokali Bormla. Dettalji jiġu diskussi b’mod individwali ma’ kull produzzjoni magħżula. Oġġetti, kostumi, rtokk u għamara, jridu jiġu pprovduti mill-grupp jew kumpanija teatrali.

Is-sitt (6) produzzjonijiet magħżula għall-festival se jingħataw kontribuzzjoni ta’ erba’ mitt (400) ewro wara li l-Kunsill Lokali Bormla jiġi preżentat b’ ‘invoice’ fiskali. Kulħadd huwa ħieles, jew aħjar, imħeġġeġ jippromwovi l-produzzjoni tiegħu b’żieda mar-riklamar li sejra tkun qegħda ssir mill-Kunsill Lokali Bormla.. F’kull riklam li jsir direttament mill-gruppi jew kumpaniji teatrali, għandu jkun hemm is-simboli u kitba kif mitlub mill-Kunsill Lokali Bormla.

L-iskript preżentat mill-parteċipanti jrid tkun oriġinali u li qatt ma ġie muri jew imtella’ f’postijiet oħra.

Ir-rebbieħa tal-festival jintgħażlu minn tliet (3) membri tal-ġurija li ġejjin mill-qasam tat-teatru, liema membri sejrin jattendu għat-tliet (3) rappreżentazzjonijiet kollha tal-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru, 2020, u t-tliet (3) rappreżentazzjonijiet kollha tas-Sibt, 5 ta’ Settembru, 2020. Ir-riżultati jitħabbru l-Ħadd, 6 ta’ Settembru, 2020, waqt iċ-ċerimonja li sejra ssir apposta. Ħinijiet u post taċ-ċerimonja jingħataw aktar ‘il quddiem mill-Kunsill Lokali Bormla.

Il-parteċipanti qegħdin jitħallew fil-ħelsien li jagħżlu l-ilsien li biha ssir il-produzzjoni bejn l-ilsien Malti u l-ilsien Ingliż biss. Il-parteċipanti qegħdin jitħallew fil-ħelsien li jagħżlu t-tema u l-istil tal-istess produzzjoni.

Hekk kif jiġu evalwati l-proposti, il-Kunsill Lokali Bormla sejjer ikun qiegħed joħroġ ċirkulari li permezz tagħha jħabbar il-produzzjonijiet magħżula. Kull produzzjoni m’għandhiex teċċedi l-għoxrin (20) minuta. Il-Kunsill Lokali Bormla jirriserva d-dritt li jippenalizza jew jiskwalifika lil dik il-produzzjoni li ddum iktar minn l-imsemmija għoxrin (20) minuta.

F’każi fejn dawn ir-regoli ma jkoprux sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu, li l-Kunsill Lokali Bormla jżomm id-dritt li jieħu d-deċiżjonijiet li l-aktar jidhirlu xierqa.

Applikazzjonijiet flimkien mal-iskript sħiħ għandhom jintbagħtu permezz ta’ ittri elettroniċi, indirizzati lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill, fuq l-indirizz elettroniku, bormla.lc@gov.mt, u l-indirizz elettroniku twistmalta@gmail.com, sa mhux aktar tard mill-Ħamis, 30 ta’ April, 2020, sal-ħin ta’ nofsinhar.

Fl-ittri elettroniċi għandhom jitniżlu l-isem u l-kunjom tal-awtur, l-indirizz tad-dar residenzjali tal-awtur, in-numru ċellulari tal-awtur, l-indirizz elettroniku tal-awtur, it-total ta’ ħin tal-produzzjoni li ma teċċedix l-għoxrin (20) minuta.

Għal aktar informazzjoni idħol fil-paġna facebook tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.