Sejħa għal inċentiv fuq bejgħ lil anzjani t’aktar minn 60 sena

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed toħroġ sejħa għal espressjoni ta’ interess immirata għall-kumpaniji, għall-organizzazzjonijiet u għan-negozji f’Malta u f’Għawdex sabiex joffru inċentiv fuq bejgħ u servizzi lir-residenti li għandhom iżjed minn 60 sena. L-anzjani li jaqgħu taħt din il-kategorija se jkunu jistgħu jingħataw dawn l-inċentivi billi jippreżentaw il-karta tal-identità.

Din l-espressjoni ta’ interess hija miftuħa għall-kumpaniji, għall-organizzazzjonijiet u għan-negozji kollha li jipprovdu servizz jew inkella bejgħ. Dawn jinkludu:

  • Il-kumpaniji u n-negozji kollha li jbigħu l-prodotti, bħal ħwejjeġ, żraben, prodotti tas-sbuħija, prodotti sportivi u anke prodotti tal-ikel
  • Is-swali tas-sbuħija u l-parrukkiera
  • Is-setturi tad-divertiment u tal-ospitalità inkluż il-lukandi, spas, ir-ristoranti u ċ-ċinema
  • L-organizzazzjonijiet kulturali inkluż dawk tal-arti, tal-istorja u tal-agrikoltura
  • Servizzi u bejgħ ta’ apparat domestiku u ta’ prodotti relatati mal-IT
  • Servizzi relatati mal-edukazzjoni
  • Servizzi ta’ trasport
  • Safar
  • Gyms u faċilitajiet tal-fitness
  • Fornituri ta’ servizzi relatati mal-komunikazzjoni

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis qal li l-qawmien mill-ġdid tal-Kartanzjan se jkompli jgħin sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jgħixu ħajja iżjed komda u attiva. Is-Segretarju Parlamentari appella lill-kumpaniji, lill-organizzazzjonijiet u lin-negozji Maltin u Għawdxin sabiex jieħdu sehem f’din l-inizjattiva li għandha tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo De Gabriele qal li l-proposti kollha sottomessi se jiġu evalwati u se ssir laqgħa mar-rappreżentati tal-fornituri tas-servizz sabiex il-proposta tiġi diskussa iżjed fid-dettall. L-applikanti se jkunu mitluba wkoll sabiex jiffirmaw ftehim mal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità.

Dawk il-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet u n-negozji interessati jridu jissottomettu l-offerti tagħhom billi jibagħtu email fuq procurement-aaccd.mfcs@gov.mt. L-applikazzjoni għandha tinkludi l-isem, l-indirizz, l-email u l-kuntatt tal-kumpanija/tal-organizzazzjoni/tan-negozju u proposta bil-Malti jew bl-Ingliż ta’ mhux aktar minn 500 kelma.