Sejħa għal edukazzjoni ugwali bejn is-subien u l-bniet fil-Kenya

Waqt l-inawgurazzjoni tal-iskola fil-parroċċa ta' Simba fil-Kenya li nfetħet i-ħimgħa li għaddiet

Mons. Joseph Obanyi, Isqof ta’ Kakamega fil-Kenya u Amministratur Apostoliku tad-djoċesi ta’ Bungoma, appella lis-soċjetà ta’ pajjiżu biex toffri l-istess edukazzjoni lit-tfal bniet u subien biex dawn ikunu kapaċi jħarsu lejn futur aħjar.

L-isqof Obanyi kien qed jitkellem fil-ftuħ uffiċjali tal-hostel tal-bniet “St Gabriel” fil-parroċċa Kattolika ta’ Sirimba f‘Bungoma. Hu qal li l-ġenituri Kenjani u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal għandhom jassiguraw li t-tfal kollha, kemm jekk subien kif ukoll bniet, jattendu l-iskola bla ma jkun hemm diskriminazzjoni.

Tfal ma jmorrux l-iskola

F’Ġunju li għadda, l-Istitut tal-Istatistika tal-UNESCO qal li minkejja t-titjieb sinjifikanti li sar fl-għaxar snin ta’ qabel, fl-Afrika, id-differenza bejn is-subien u l-bniet għadha kbira ħafna. Il-pajjiżi ta’ taħt is-Sahara għad għandhom l-akbar rata ta’ tfal fl-età tal-iskola, li ma jmorrux.

Għalkemm il-Kenya hi wieħed mid-19-il pajjiż Afrikan li laħqu l-parità tal-ġeneru fejn tidħol l-edukazzjoni primarja għas-subien u l-bniet fl-aħħar snin, l-Isqof Obanyi wissa’ biex wieħed ma jikkuntentax b’dan.  Hu appella biex is-soċjetà tkun attenta għal politika żbilanċjata li tittraskura lit-tfal subien.

“Illum qed nagħtu ħafna attenzjoni lill-bniet filwaqt li is-subien baqgħu vulnerabbli.  Jekk ninjoraw il-ħtieġijiet tat-tfal subien inkunu qed niktbu riċett għall-falliment fil-futur”, sostna l-Isqof.  Is-soċjetà trid toffri programmi edukattivi li jibbenefikaw u jippreparaw lit-tfal kollha għall-isfidi tal-futur.

L-Isqof żied jgħid li għandhom isiru sforzi biex ikun assigurat li s-sistema edukattiv fil-pajjiżi, iddaħħal valuri morali fit-tfal.  Irringrazzja lill-benefatturi lokali u internazzjonali għall-ġenerożità tagħhom biex ikun hemm faċilitajiet edukattivi fil-parroċċa ta’ Sirimba.