Sejħa għal bini ta’ tinda fil-venda tal-Belt

Inħarġet sejħa għal bini ta’ tinda fin-naħa l-ġdida tal-venda tal-Belt, biex tagħti kenn mill-elementi lill-passiġġieri jistennew tal-linja.
Fi stqarrija, Transport Malta qalu li t-tinda ser tinbena fuq iż-żewġ naħat tal-foss, sabiex tgħatti ż-żoni kollha minn fejn jirkbu l-passiġġieri.
Huma saħqu li kkoperaw mal-Awtorità tal-Ipjannar (PA) u mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), sabiex inaqqsu l-impatti negattivi fuq l-ambjent u fuq id-dehra viżiva.
Għalhekk, id-disinn ser ikun sempliċi biex it-tinda ma tagħtix wisq fil-għajn. Ser tkun mgħammra wkoll b’dawl minimalist, jiġifieri dawl żgħir u pulit li ma jagħtix wisq fil-għajn, għas-sigurtà tal-passiġġieri li jistkennu taħtha filgħaxija.
Barra minn hekk, Transport Malta qalu li se jieħdu ħsieb li t-tinda timbena madwar is-siġar li hemm, biex l-ebda siġra ma tinqala’ jew titħawwel xi mkien ieħor.
It-tinda ser tkun magħmula biex isservi ħamsin sena, u ser tkun tiflaħ riħ saħansitra forza 12. Is-saqaf ser ikun magħmul minn plastik imsaħħaħ bil-ħġieġ, u miksi b’materjal li jirreżisti x-xita u l-qawwa tar-raġġi tax-xemx.
Transport Malta tennew li t-tinda ser tkun tista’ tiżżarma mingħajr ħsara f’każ li jkun hemm bżonn isir dan.