Sejħa għal azzjoni biex tkun protetta l-Libertà Reliġjuża

Sam Brownback, Ambaxxatur tal-Istati Uniti għal-Libertà Reliġjuża Internazzjonali

“In-nuqqas ta’ libertà reliġjuża, hu fejn hu, jikkostitwixxi theddida għall-paċi, il-prosperità u l-istabilità kullimkien.”

Dan qalu Sam Brownback, l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għal-Libertà Reliġjuża Internazzjonali li sejjaħ għal azzjoni mill-gvernijiet, individwi u organiżazzjonijiet ta’ attivisti biex jaħdmu flimkien biex jipproteġu l-libertà reliġjuża madwar id-dinja.

Brownback kien qed jitkellem f’konferenza organizzata mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan li ffukat fuq riżultati konkreti biex ikun affermat l-impenn internazzjonali favur il-libertà reliġjuża.

“Hemm bżonn li nużaw is-saħħa kollha tagħna, il-makkinarju u l-awtorità morali li għandna biex inwaqqfu lil dawk in-nazzjonijiet u atturi oħra li qed jgħaffġu fuq il-libertà tal-erwieħ. Nies madwar id-dinja qed ikunu brutaliżżati jew maqtula għax jipprattikaw it-twemmin tagħhom u dan ma nistgħux inħalluh ikompli għaddej”, sostna Brownback.

Fl-istess konferenza, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo ħabbar diversi inizjattivi oħra dwar il-libertà reliġjuża fost it-twaqqif ta’ Fond Internazzjonali għal-Libertà Reliġjuża;  u Workshop ta’ tliet ijiem imsejjaħ “Boldline fejn il-gvern u l-privat jiddiskutu u jfittxu soluzzjonijiet għall-problemi tan-nuqqas ta’ libertà reliġjuża.

Dan ikun avveniment annwali u l-Istati Uniti lesta tgħin pajjiżi oħra biex jorganiżżaw konferenzi f’pajjiżhom dwar il-Libertà Reliġjuża għax din għandha tkun prijorità għal kulħadd. Illum, sfortunatament 83% tal-popolazzjoni tad-dinja qed tgħix f’pajjiżi fejn il-libertà reliġjuża hi mhedda jew ma teżistix.