Sejħa biex tinstab il-kumpanija interessata fil-proġett tal-mina

Miguela Xuereb

Read in English.

Infrastructure Malta bdiet il-proċess li bih qed tfittex li tidentifika kumpanija jew konsorzju biex jibnu u joperaw il-mina għal żmien definit. Dan tħabbar dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet minn Infrastructure Malta.

Kumpaniji u konsorzji interessati fil-proġett tal-mina dalgħodu ġew mistiedna jipparteċipaw fl-ewwel stadju minn tlieta tal-proċess. Dan il-proċess se jwassal għad-disinn, bini u ffinanzjar, minn kumpanija speċifika.

Ġie spjegat li dawk interessati għandhom sal-Ħamis 9 ta’ April tal-2020 sabiex iwieġbu l-pre-qualification questionnaire (PQQ) li permezz tiegħu juru li għandhom esperjenza fil-bini ta’ mini simili u li għandhom rekord tajjeb fil-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà, flimkien mal-kapaċità teknika u finanzjarja biex iwettqu l-proġett.

Intant, is-sejħa internazzjonali għal dan is-survey saret aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

It-tul tal-konċessjoni tal-kumpanija magħżula jiġi determinat fl-istadji finali ta’ dan il-proċess. Fi tmiem il-konċessjoni, il-kunċessjonarju jkun irid jgħaddi l-infrastruttura tal-mina lill-Gvern.

Skont is-survey, l-għażla preferuta tal-Gvern hija li dan il-proġett ikun iffinanzjat mingħajr ebda garanziji jew sussidji.

Fiex jikkonsisti l-proġett tal-mina?

Infrastructure Malta spjegat li l-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex jinkludi l-bini ta’ mina twila 14-il kilometru, b’parti minnha tkun taħt il-baħar. Din mistennija jkollha żewġ korsiji għall-vetturi, waħda f’kull direzzjoni, bi spazju bejniethom li jkun wiesgħa biżżejjed għall-inġenji t’emerġenza. Qalet li dan il-proġett se jelimina l-isfidi ekonomiċi u soċjali li l-familji u n-negozji Għawdxin iħabbtu wiċċhom magħhom.

X’se jiġri wara l-ewwel stadju?

Infrastructure Malta spjegat li l-aħjar ħames offerenti li jiġu kklassifikati fl-istadju inizjali tas-survey jikkwalifikaw għat-tieni stadju, li jinkludi l-Invitation to Participate in Dialogue (ITPD). F’dan l-istadju, il-parteċipanti jridu jissottomettu pjanijiet tekniċi dettaljati tal-istruttura proposta minnhom għall-mina, kif ukoll dwar l-implementazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tagħha jekk dawn jingħataw il-konċessjoni.

Imbagħad, il-proċess tal-għażla jiġi konkluż bl-istadju tal-Best and Final Offer (BAFO) meta tingħażel l-aħjar offerta finali. Din trid tinkludi offerta dettaljata kemm mil-lat tekniku kif ukoll mil-lat finanzjarju li tkun ibbażata fuq il-proposta li jkunu għamlu fl-istadju preżedenti. It-tim tal-għażla mbagħad jiddeċiedi u jirrakkomanda liema tkun l-aħjar offerta skont il-kriterji stabbiliti.

Id-dokumentazzjoni kollha relevanti u l-formola ta’ interess tista’ ssibha minn hawn.