Sejħa biex awturi u kittieba Maltin jkunu aktar apprezzati

Hemm bżonn li jiżdied l-ammont ta’ xogħlijiet letterarji Maltin li jkunu tradotti għal-lingwi oħra biex jitgawdew minn aktar persuni u hekk awturi Maltin u Għawdxin ikunu aktar apprezzati.
Dan kien wieħed mill-punti ewlenin li għamlu għadd ta’ kittieba u awturi Maltin waqt attività tal-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb u l-Copyright.
L-awturi Maltin saħqu fuq il-fatt li kittieba Maltin u Għawdxin ma għandhom xejn anqas minn kittieba barranin u fakkru li diversi xogħlijiet Maltin huma rikonoxxuti madwar id-dinja b’mod speċjali madwar l-Ewropa,
Urew ukoll it-tħassib tagħhom għal għadd ta’ diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom awturi Maltin minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż u għalhekk saħqu fuq il-bżonn li jkun hemm aktar għajnuna mill-Ewropa.
Tkellmu wkoll fuq il-bżonn li dawk kollha nvoluti jingħaqdu u jkunu vuċi waħda biex dawn ix-xogħlijiet Maltin jibqgħu mħarsa.
Matul l-attivitá l-pubblikaturi għamlu wkoll appell fuq il-ħtieġa li jiżdied l-infurzar tal-copyright fil-ġlieda kontra l-piraterija. Dan bil-għan li kittieba, mhux biss jingħataw l-għarfien u anke kumpens ta’ xogħolhom, iżda wkoll biex il-pubblikaturi jkunu jistgħu jinvestu aktar fl-awturi.
Min-naħa tagħha Therese Comodini Cachia ngħaqdet mal-appell tal-awturi Maltin u ħeġġet lil dawk kollha nvoluti biex jingħaqdu ma’ stakeholders Ewropej biex il-vuċi tagħhom tkun aktar qawwija meta fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposta dwar emendi fid-direttiva tal-copyright.
L-Ewroparlamentari Maltija diġà serviet ta’ rapportuer tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fuq rapport li ppropona reviżjoni ta' din id-direttiva fid-dawl tal-isfidi li s-settur għandu llum.