Sejba waqt xogħol fit-triq; is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali siekta

Is-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali baqgħet siekta wara li nstabet ġiebja waqt xogħlijiet li qed isiru f’Ħaż-Żebbuġ.

Wara li nstabet ġiebja waqt xogħlijiet li qed isiru fuq żewġ roundabouts ewlenin f’Ħaż-Żebbuġ, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lis-Sovritendenza dwar dan. Madanakollu, xahar wara, din il-karma tal-aħbarijiet għadha bla risposti.

Infrastructure Malta qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-proġett ta’ bini mill-ġdid u titjib taż-żewġ roundabouts ewlenin ta’ Ħaż-Żebbuġ jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu. L-aġenzija qalet li il-ġiebja biswit waħda mir-roundabouts ġiet irranġata b’saqaf ġdid u aktar b’saħħtu “li jiflaħ għall-ħtiġijiet u l-piżijiet tar-triq arterjali għaddejja minn fuqu.” Din tinsab faċċata tal-Bieb ta’ de Rohan. Intqal li l-ġiebja se tkun qed tintuża’ għat-tisqija tal-pjanti tal-istess roundabout.

Fi stqarrija Infrastructure Malta qalet li l-Erbgħa filgħaxija bdiet tagħti l-aħħar kisjiet ta’ asfalt fiż-żewġ  roundabouts. Skont l-aġenzija, “ir-roundabout ta’ ħdejn il-Bieb ta’ De Rohan ġiet imtejba b’għadd ta’ korsiji diretti minn direzzjoni għal oħra, sabiex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar.” Qalet ukoll li dik ta’ ħdejn l-iskola tad-Dorotei, li tgħaqqad ir-Rabat, Ħ’Attard u Ħaż Żebbuġ, inbniet mill-ġdid b’disinn aktar mexxej u b’aktar korsiji li jaslu għaliha.

Ix-xogħol qed isir bil-lejl bejn is-7 pm u s-6 am u mistenni jkompli “sa kmieni l-ġimgħa d-dieħla”. Xi partijiet taż-żona se jkunu magħluqa għat-traffiku. Il-korsiji kollha se jkunu miftuħin fiż-żewġ direzzjonijiet matul il-jum.