Sejba waqt xogħlijiet fiż-Żurrieq

Katakombi ġodda nstabu fiż-Żurrieq waqt li kienet għaddejja ħidma fit-toroq.
Dan ġie rrappurtat illum fuq il-paġna ta’ Facebook Temple Rescue, Malta li spjegat li l-katakombi jinsabu madwar 220 metru ’l bogħod mill-katakombi tal-Xarolla, fi Vjal ix-Xarolla.
Skonthom jidher li x-xogħol fiż-Żurrieq kixef għadd ta’ siti arkeoloġiċi ġodda li ma kienux magħrufa qabel.
Xi persuni staqsew jekk dawn is-siti hux se jiġu protetti u jekk hux se jibdew ikunu miftuħin għall-pubbliku.
Għal dawn il-mistoqsijiet, Temple Rescue Malta wieġbet li sa issa m’għandha l-ebda informazzjoni dwar dan.
Sostnew li bgħatu imejl lis-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali madanakollu għadhom ma rċevewx risposta.
Fir-risposta tagħhom fuq Facebook komplew billi ħeġġew lil dawk kollha li għandhom siti arkeoloġiċi għal qalbhom biex bħalhom ukoll jikkuntattjaw lis-Sovratendenza fuq heritage.superintendence@gov.mt sabiex iħeġġu l-ħruġ ta’ risposta aktar mgħaġġla.