Ritratti: Il-maltemp itella’ pakketti tad-droga max-xtajta f’Għawdex

Read in English.

Ilbieraħ waranofsinhar instabu għadd ta’ pakketti li ttellgħu max-xtajta f’Għawdex. Is-sejba saret għall-ħabta tal-4.15pm tas-Sibt. Newsbook.com.mt huwa infurmat li nstabu mas-16-il pakkett bi droga suspettata kannabis.

Ix-xtajta bejn il-Port tal-Imġarr u l-Bajja tax-Xatt l-Aħmar taħt il-Forti Chambray f’Għajnsielem.

Żewġ persuni li kienu mexjijn fl-inħawi taħt il-Forti Chambray f’Għajnsielem lemħu għadd ta’ pakketti li dehru max-xtajta. Huma nfurmaw immedjatament lill-Pulizija f’Għawdex li min-naħa tad-Distrett bdiet investigazzjoni dwarhom. Jidher li l-pakketti telgħu max-xtajta bil-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin fl-aħħar sigħat.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma din is-sejba ta’ pakketti ssiġillati u qal li nfetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Monica Vella.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li d-droga kienet tiżen mal-10 kilogrammi. B’kollox instabu 83 blokka tad-droga. Dawn instabu f’sittax-il pakkett (16), f’kull pakkett kien hemm madwar ħames blokok, filwaqt li tliet blokok oħra nstabu għalihom fuq x-xtajta. Il-pakketti kienu kollha ssiġġillati f’boroż tal-plastik.

Każ ieħor ta’ droga f’Għawdex ilbieraħ
Ritratti: Arrestati 2 żgħażagħ wara sejba kokaina f’Għawdex

Dan mhux l-ewwel każ ta’ droga li nstabet max-xtajta. F’Lulju tal-2015 kontenitur tal-plastik fiż-Żonqor li fih hemm droga suspettata kannabis.