Sejba ta’ €12,000 mhux iddikjarati fuq passiġġier minn kelba tad-Dwana

Read in English.

Waqt moniteraġġ ta’ rutina fuq passiġġiera fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, saret sejba ta’ madwar €12,000 mhux iddikjarati minn kelba tad-Dipartiment tad-Dwana.

Fi stqarrija kien spjegat li l-moniteraġġ ta’ rutina kien qed isir fuq passiġġiera li kienu se jitilqu minn Malta lejn Istanbul. Sophie, il-kelba tad-dwana, indikat il-passiġġier u l-oġġetti tiegħu lill-uffiċjali tad-Dwana. L-uffiċjali tad-Dwana tal-AMLT staqsew lir-raġel kemm kellu flus fuqu, u hu qalilhom li kellu madwar €8,000.

Huma ma kienux konvinti mit-tweġiba tiegħu u eskortawh lejn l-uffiċċju tagħhom fejn għamlu xi tfittxijiet. Hemmhekk għamlu sejba ta’ €12,120. Hu ngħata multa talli kien qed iġġorr fuqu aktar flus milli tippermetti l-liġi.