Sejba ta’ droga f’Ħal Qormi; 3 arrestati

Żewġt irġiel u mara ġew arrestati b’rabta ma’ sejba ta’ droga.
Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wettqu rejd f’dar u garaxx f’Ħal Qormi, fejn sabu sustanzi suspettati raża tal-kannabis, ħaxixa tal-kannabis, kokaina u eroina.
Sabu wkoll ammont ta’ flus kontanti, armi u oġġetti oħra relatati mal-abbuż u t-traffikar tad-droga, fosthom miżien elettroniku u boroż.
It-tliet arrestati, li għandhom bejn 23 u 35 sena u huma minn Ħal Qormi, il-Furjana u San Ġiljan, qed jinżammu mill-Pulizija għal iktar investigazzjonijiet.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.