Aġġornata: Sejbiet ta’ droga f’Paceville u l-Marsa

19:30

F’raid li għamlet il-Pulizija fi Triq is-Serkin l-Marsa kmieni dalgħodu, l-Pulizija arrestat żewġt irġiel b’konnesjoni ma’ traffikar ta’ droga.

Fi tfittxija li għamlet il-Pulizija ġewwa remissa fejn jinżammu ż-żwiemel, il-Pulizija sabet ammont ta’ droga Kokajina u Eroina f’paketti lesta biex tiġi traffikata.

Iż-żewġt irġiel, huma wieħed ta’ 44 sena residenti tas-Sliema, u l-ieħor ta’ 63 sena residenti Santa Venera. 

19:15

Il-Pulizija qed tinvestiga raġel ta’ madwar 40 sena minn Catania iżda residenti Malta, wara li mill-appartament tiegħu ġew elevati madwar 5 kilogrammi  ta’ ħaxixa tal-cannabis.

Il-Pulizija qalet illi kmieni l-bieraħ wara nofs inhar irciviet rapport,  illi ġewwa shaft f’appartamenti f’Paceville, kien hemm borża suspettuża li fiha sustanza suspettata ħaxixa tal-cannabis.

Wara aktar investigazzjoni fl-appartament, il-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-droga flimkien mall-Pulizija ta’ distrett ta’ San Ġiljan sabu aktar droga. Il-Pulizija qed iżżomm għal aktar investigazzjonijiet ir-raġel u tfajla Bulgara ta’ 25 sena.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, l-Isqalli mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.