Segwi r-Regatta minn Forti Sant’Anġlu bi prezz irħas

Għar-Regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir, Forti Sant’Anġlu se jiftaħ għall-pubbliku bi prezz imraħħas ta’ €2.
Forti Sant’Anġlu jinsab fil-ponta tal-Birgu, u għalhekk joffri dehra tajba tal-Port il-Kbir, fejn dilettanti tar-Regatta se jkunu jistgħu isegwu t-tiġrijiet tradizzjonali tad-dgħajjes Maltin.
Ir-Regatta tibda fis-1pm u tkun kontestata minn seba’ distretti differenti. Il-qaddiefa jieħdu sehem f’10 tiġrijiet maqsumin f’żewġ kategoriji fejn mhux biss jispikkaw il-ħila u s-saħħa tal-qaddiefa iżda wkoll id-dgħajjes tipiċi Maltin bħal frejgatini, kajjikki, tal-pass u tal-midalji.
Il-Forti se jkun miftuħ mid-9am sas-6pm, jiġifieri sakemm tintemm ir-Regatta. L-aħħar dħul isir fil-5.30pm.
Dakinhar mal-ġurnata l-viżitaturi fil-Forti Sant’Anġlu se jkollhom l-opportunitá jsegwu l-ħiliet u ġlied bix-xwabel minn membri tal-Malta Historical Fencing Association, kif ukoll se jkunu jistgħu jżuru wkoll il-parti ta’ fuq tal-istess forti mmexxija mill-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta. Minbarra ż-żjara bi gwida li ssir kuljum fil-11am, dakinhar se jsiru żewġ żjajjar żejda bi gwida li jibdew f’12pm u fis-1pm.
Biljetti għal dawn iż-żjajjar huma apparti mid-dħul għall-forti u jiswew €5 (adulti), €3 (studenti u anzjani), u €1.50 (tfal). Kull żjara hi miftuħa għal massimu ta’ 50 persuna.