Konklavi: L-ewwel jum jintemm b’duħħan iswed

Id-duħħan li ħareġ miċ-ċumnija tal-kappella Sistina fil-Vatikan kien iswed. Dan ifisser li l-kardinali, kif mistenni, għadhom m’għażlux l-Papa l-ġdid.

115-il kardinal issakkru fil-kappella fejn hemm l-affreski ta’ Michelangelo, biex jiddeċiedu min se jkun ir-Ragħaj tal-Knisja Kattolika.
Newsbook se jxandar b’mod dirett x’qed jiġri fil-Vatikan sakemm jintagħżel il-Papa l-ġdid.

Fl-għaxra ta’ dalgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan ġiet iċċelebrata l-quddiesa “pro eligendo Pontifice” li tat bidu għall-Konklavi. Imbagħad fl-4.20 ta’ waranofsinhar bdiet purċissjoni mill-Kappella Pawlina lejn il-Kappella Sistina fejn kull kardinal ħa l-ġurament ta’ segretezza. Wara, il-kardinal Malti Prospero Grech ħa ħsieb il-meditazzjoni.

L-aħħar sitt konklavi li saru, damu biss ftit jiem. Il-Konklavi ta’ Ġwanni Pawlu II u ta’ Benedittu XVI dam jumejn. Ta’ Ġwanni Pawlu I dam biss ġurnata.