L-ammont kbir ta’ nies f’Ruma mistenni jsarraf f’esperjenza sabiħa ħafna

Il-Kelliem tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi jispjega l-iktar dettalji riċenti dwar il-konklavi fil-Kappella Sistina

Segwi b’mod dirett:

Patri Federico Lombardi qal li l-ammont kbir ta’ nies li hemm Ruma se jsarraf f’esperjenza sabiħa ħafna ta’ din l-elezzjoni ta’ Papa ġdid. Saħaq li f’Ruma mistennija jaslu aktar nies fil-jiem li ġejjin.

S’issa kien hemm tliet elezzjonijiet bl-ebda minnhom ma twassal għal ħatra ta’ Papa ġdid. Patri Lombardi qal li huwa normali li s’issa għad ma kienx hemm duħħan abjad. Spjega li fl-istorja tal-Konklavi, darba waħda biss kien hemm każ meta l-Papa ntgħażel mal-ewwel tliet elezzjonijiet.

Id-duħħan, spjega Patri Lombardi, jiġi magħmul permezz tal-ħruq tal-karti tal-voti ma’ taħlita kimika. Id-daħna ddum mas-seba’ minuti. It-taħlita kimika, spjega Patri Lombardi, ma jagħmilx ħsara la lill-Kardinali u lanqas lill-afreski ta’ Mikelanġelo.

Patri Lombardi qal li l-Papa Emeritu, Benedittu XVI, qiegħed isegwi dak kollu li qed jiġri fil-Vatikan.

Rigward dak li qed jiġri fil-konklavi, intqal li l-kardinali jiġu mitluba jitfgħu l-vot tagħhom fl-urna fuq l-artal. Dan, saħaq il-kelliem għall-Vatikan, huwa mument profond ta’ spiritwalita’ kbira. Waqt il-proċess kollu, fil-kappella sistina jinżamm silenzju kbir.

Il-karta tal-vot li fuqha jinkiteb l-isem tal-kardinal hija karta sempliċi, ta’ 12cm b’14cm bil-kliem Eligo Insumo Pontifice.
Intqal li tnejn mill-kardinali għandhom għajnuna tal-infermiera magħhom fil-konklavi.

Mistoqsi dwar dawk il-kardinali li jpejpu, Patri Lombardi qal li m’hemmx regoli stretti dwar sigaretti. Qal li l-Kardinali għandhom edukazzjoni biżejjed u b’hekk ipejpu f’postijiet miftuħa.

Patri Lombardi ġie ukoll mistoqsi dwar kardinal partikolari li kien jaf b’xi abbużi sesswali fuq tfal. Qal li l-midja qed tuża dan iż-żmien biex tamplifika dawn is-sitwazzjonijiet. Fl-aħħar mill-aħħar, saħaq Patri Lombardi, ma kienx hemm raġunijiet għalfejn dan il-kardinal ma jkunx parti mill-Konklavi.