L-Arġentin Jorge Mario Bergoglio huwa l-Papa ġdid

Il-Papa Franġisku huwa l-ewwel Papa mill-Amerika Latina u l-ewwel Papa Ġiżwita. Għażel l-isem Franġisku u l-motto: ‘Inħenn u nahder’. Il-Papa Franġisku huwa l-267 suċċessur ta’ San Pietru.

20:33 – Il-Papa temm billi qal lil-folla li għada se jmur Santa Maria Maggiore biex jitlob lil Madonna biex tħares lil Ruma kollha u jagħti l-lejl it-Tajjeb lil kulħadd.

20:28 – Għall-ewwel darba il-Papa Franġisku jagħti l-barka ‘Urbi et Orbi’ – il-barka għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Mill-ewwel jidher li dan il-Papa bena relazzjoni tajba mal-poplu ta’ Ruma – peress li l-Papa hu l-Isqof ta’ Ruma.

20:23 – Il-Papa ġdid ikellem lil folla. Jibda billi jirringrazzja lil dawk preżenti u jagħmel talba għall-Papa Emeritu Benedittu XVI. Fil-messaġġ tiegħu jgħid li f’dan il-vjaġġ li beda llum, jittama li kulħadd jitlob għal xulxin. Qabel jagħti l-barka lil dawk preżenti jitlob lil dawk preżenti biex jitolbu lil Mulej ibierek lill-Papa ġdid. Mument ta’ silenzju perfett biex kulħadd jitlob għal Papa.

20:22 – Il-Papa Franġisku joħroġ fil-gallerija ewlenija tal-Vatikan. Il-Gwardji Svizzeri idoqqu l-innu tal-Papa. Il-pubbliku mill-Arġentina ixejjer il-bnadar tal-pajjiż.

20:10 – Jitħabbar li l-Arġentin Jorge Mario Bergoglio se jkun il-Papa ġdid. Għażel l-isem Francesco. Għażel il-motto: ‘Inħenn u nahder’

Minn ħin għall-ieħor, il-Papa ġdid mistenni joħroġ fil-gallarija ċentrali tal-Vatikan biex isellem il-folla preżenti. Atmosfera mill-isbaħ fi Pjazza San Pietru hekk kif minn ħin għall-ieħor il-folla qed tinfexx f’kant spontanju.

19:00 – Deher ħiereġ id-duħħan abjad miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina. Imbagħad, l-ikbar qanpiena tal-Vatikan indaqqet bħala sinjal li ntagħżel il-Papa ġdid. Il-folla kbira li tinsab fi Pjazza San Pietru infexxet tgħajjat u ċċapċap bil-ferħ. Prominenti il-bnadar Maltin jittajru minn grupp ta’ Maltin li marru Ruma apposta bit-tama li jesperjenzaw din l-okkażjoni unika.

Segwi b’mod dirett:

Agħfas fuq il-buttuna ‘audio_ger’ biex tagħżel il-lingwa li biha tixtieq tisma’ il-kummentarju.