Filmat: ‘In-numru ta’ tfal f’istituti qed jilħqu livelli allarmanti’ – Ministru Coleiro Preca

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Marie-Louise Coleiro Preca, iddeskriviet bħala allarmanti s-sitwazzjoni ta’ tfal b’każijiet soċjali. 

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Dar San Ġużepp f’Santa Venera, il-Ministru qalet kif fil-preżent hawn madwar 600 tifel u tifla li qegħdin f’istitut jew dar tat-tfal. Coleiro Preca qalet li din iċ-ċifra kważi rdupjat f’dawn l-aħħar snin.

Barra dawn, hemm madwar 350 tifel u tifla li l-każ tagħhom għadu ma ġiex deċiż. S’issa hemm ukoll 60 persuna li ġew meqjusa bħala tfal b’care order iżda li għadhom mingħajr dar jew istitut.

Il-Ministru Coleiro Preca qalet ukoll li għaddejjin diskussjonijiet mas-Segretarjat Parlamentari għall-Ġustizzja, biex tfal b’ordni ta’ out of home care, ikunu jistgħu jiġu addottati.

F’kummenti li tat lil dan l-istazzjon, il-Ministru Coleiro Preca uriet apprezzament għal dak kollu li qed jagħmlu djar tat-tfal mmexxija mill-Knisja u NGOs.

Qalet li l-Gvern jagħti sapport finanzjarju lil dawn l-għaqdiet iżda se jidħol f’diskussjonijiet kif il-Gvern jista’ jagħti sapport akbar.