Segwi l-filmat: Erba’ seminaristi jintlaqgħu bħala kandidati għall-Ordni tad-Djakonat

Ilbieraħ filgħaxija fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ, f’Ħal Qormi kienet iċċelebrata quddies mill-Arċisqof Pawlu Cremona fejn erba’ seminaristi talbu lill-Knisja biex tilqagħhom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordni tad-Djakonat u tal-Presbiterat.

L-erba’ seminaristi, li bħalissa jinsabu fil-ħames sena tal-formazzjoni, huma Carlo Calleja mill-Parroċċa ta’ Stella Maris, tas-Sliema; Christopher Ellul mill-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid; Andrew Schembri mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi; u Mark Joseph Zammit mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien.
L-erba’ seminaristi stqarru pubblikament li joffru lilhom infushom lill-Knisja biex aktar ’il quddiem ikunu jistgħu jservu fis-Saċerdozju Ministerjali permezz tas-Sagrament tal-Ordni Sagri.

L-Arċisqof, f’isem il-Knisja, laqa’ bil-ferħ l-offerta tagħhom. Huwa talab lil dawn il-kandidati biex matul is-sentejn li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.

Ritratti: Photocity