Segwi l-ewwel episodju ta’ Iż-Żagħka flimkien mal-atturi

Ritratt: Sebio Aquilina

Nhar it-Tnejn li ġej jibdew l-iskedi tal-ħarifa fuq l-istazzjonijiet lokali, u għaldaqstant jibdew ukoll bosta sensiliet ġodda ta’ drama, fosthom is-sensiela Iż-Żagħka li se titwassal fuq l-istazzjon Net mit-Tnejn 30 ta’ Settembru fid-8.45pm.

Iżda filwaqt li bosta huma dawk li se jkunu qed isegwuha mill-kumdità ta’ darhom, it-tim tal-produzzjoni qed joffri l-opportunità biex il-pubbliku jingħaqad mal-atturi biex isegwu flimkien l-ewwel puntata.

Dan se jsir fil-klabb tal-futbol taż-Żurrieq u dawk kollha nteressati huma mitluba li jmorru siegħa qabel.

Il-ġrajja ta’ din il-produzzjoni se teħodna lura fiż-żmien, eżattament fis-Snin 50. Filfatt il-kelma “żagħka” hija kelma antika li tirreferi għal persuna li ma tkunx aċċettata, jew inkella titqies bħala ġerrejja jew inkella prostituta.

Il-produzzjoni hija ta’ DM Midja u għandha kitba ta’ Desier Debono, li fost oħrajn diġà wasslilna il-produzzjonijiet Libra u Pupazz.