Segretarju tal-Istat ġdid għall-Vatikan; Mons Camilleri kkonfermat fil-kariga

Aġġornata 3pm: Intant L'Osservatore Romano ħabbar li Monsinjur Antoine Camilleri se jibqa' fil-kariga ta' Sotto-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet bejn l-Istati. L-Isqfijiet Giovanni Angelo Becciu, Peter Wells u Dominique Mamberti wkoll ġew ikkonfermati fil-karigi li bdew jokkupaw waqt il-pontifikat ta' Benedittu XVI.  

Aktar kmieni: Il-Papa Franġisku ħabbar uffiċjalment li laqa’ t-talba ta’ riżenja minn Kardinal Tarcisio Bertone bħala Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.  Sussegwentement huwa ħatar lill-Arċisqof Pietro Parolin bħala s-Segretarju tal-Istat il-ġdid. Parolin dan l-aħħar kien qiegħed iservi bħala Nunzju Appostoliku fil-Venezwela.

Il-Kardinal Bertone intalab mill-Papa sabiex jibqa’ jokkupa l-kariga sal-15 ta’ Ottubru li ġej. Dakinhar imbagħad issir il-ħatra uffiċjali ta’ Pietro Parolin waqt li l-Papa jilqa’ l-uffiċjali għolja tas-Segretarjat sabiex jagħtu l-aħħar ringrazzjament tagħhom lil Bertone.

Minn naħa tiegħu is-Segretarju nominat, Pietro Parolin waqt li aċċetta n-nomina b’umiltà, irringrazzja lill-Papa Franġisku għall-fiduċja li wera fih u wiegħed li se jkun qed juri disponibilità totali u kollaborazzjoni taħt il-gwida tal-istess Papa.