Sefora ta’ Francis Ebejer jixxandar illejla

Illejla fid-8.50pm TVM se jkun qed ixandar xogħol ieħor ta’ Francis Ebejer li jġib l-isem ta’ Sefora. Din l-istorja kienet inkitbet bħala radjudramm fl-1953 filwaqt li fl-1986 inħadmet bħala produzzjoni televiżiva bis-sehem ta’ Karmenu Vella bħala Max, Doreen Dimech fiż-żewġ partijiet ta’ Iris u Sefora, Ninette Micallef bħala Mary, Joe Camilleri bħala t-Tabib u Victor Bartolo bħala l-Patri.

Il-produzzjoni u direzzjoni kienet ta’ Joe Borg Ghigo.

Sefora tirrakkonta l-istorja ta’ Max, kittieb, li jkun konvint li tkun qed tidhirlu tfajla. Jitlob l-għajnuna ta’ tabib ħabib tiegħu u jispiċċa biex ikun rikoverat fi sptar għal nies li jsofru minn problemi ta’ saħħa mentali.

Iżda din Sefora min hi? Max kif kien iltaqa’ magħha? Għaliex ħalliet tant influwenza fuq ħajjet Max?

Apparti dan ix-xogħol ta’ Ebejer, nhar ta’ Sibt TVM qed juri il-Ħarsa ta’ Rużann filwaqt li bħal-lum ġimgħa, għal tlett ġimgħat konsekuttivi se tkun qed tixxandar il-produzzjoni L-Imnarja Żmien il-Qtil li kienet ittellgħet sentejn wara l-mewt ta’ Ebejer.