Seba’ nisa fost ir-rekluti ġodda tal-Forzi Armati ta’ Malta

72 persuna, fosthom seba’ nisa u tmien persuni Għawdxin, ġew reklutati mill-Forzi Armati ta’ Malta (FAM).
Fi stqarrija, il-FAM qalu li l-ewwel ġurnata tal-karriera tagħhom fl-armata, li kienet ilbieraħ, ir-rekluti ħadu ġurament ta' lealtà lejn ir-Repubblika ta’ Malta, il-poplu u l-Kostituzzjoni tagħha fil-kwartieri tagħhom f’Ħal Luqa.
Il-FAM spjegaw li fil-ġimgħat li ġejjin, ir-rekluti se jingħataw taħriġ fiżiku u se jitħarrġu wkoll fl-użu tal-armi, sabiex jiġu evalwati l-ħiliet, il-motivazzjoni u l-karattru ta’ kull reklut.
Minbarra l-ħiliet ġodda li se jiksbu, ir-rekluti se jiġu mħarrġa wkoll fil-Liġi Militari u l-Liġi Umanitarja, fost l-oħrajn.
Il-FAM saħqu li huwa biss meta r-rekluti jilħqu l-istandards meħtieġa li jinħatru suldati b’mod uffiċċjali, u jibdew jintbagħtu fuq missjonijiet biex jgħinu lill-membri l-oħra tal-Forzi Armati fuq l-art, fil-baħar jew fl-ajru, skont il-bżonnijiet tas-Servizz.
Ritratt: FAM