Seba’ nisa fil-Parlament xi jfissru?

Wara aktar minn jumejn ta’ għadd tal-voti, tmienja huma dawk il-kandidati nisa li ġew eletti. Avveniment li aktarx ikompli jġiegħel lil ħaddieħor iħokk rasu dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament Malti.
It-tmien kandidati nisa eletti huma Helena Dalli għat-tieni u t-tielet distrett, Julia Farrugia għall-ħames distrett, u Justyne Caruana għat-13-il distrett mill-Partit Laburista, u Kristy Debono għad-disa’ distrett, Marthese Portelli għad-disa’ u t-13-il distrett, Marlene Farrugia għall-għaxar distrett, Claudette Buttigieg għat-12-il distrett u Therese Comidini Cachia għat-tmien distrett mill-kamp Nazzjonalista.
Iżda b’din tal-aħħar iċċedi s-siġġu, il-Membri Parlamentari (MP) nisa jinżlu għal 7. Qabel ma ġie xolt il-Parlament kien hemm disa’ nisa.
Fil-leġiżlatura li għaddiet kienu bosta t-tentattivi ta’ djalogu u propoganda sabiex ikun hemm preżenza akbar ta’ Membri Parlamentari nisa.
Fost l-oħrajn, il-President ta’ Malta kienet wissiet li bin-nuqqas ta’ rappreżentanti nisa fil-Parlament Malti d-demokrazija Maltija qed tiċċaħħdilha l-opportunità li tissaħħaħ.
L-Aditus kienet ipproponiet sistema ta’ kwoti biex jiżdied  n-numru tan-nisa f’karigi għoljin, partikolarment fil-politika.
Aktar tard anki l-Prim Ministru qal li hemm bżonn diskussjoni usa' fuq il-kwoti biex aktar nisa jkunu mħeġġa jidħlu fil-politika. B'reazzjoni n-network ta' mexxejja ta' nisa żgħażagħ (Network of Young Women Leaders) ippropona li l-Partiti Politiċi jkollhom lista ta' kandidati għall-elezzjoni ġenerali li hi bbilanċjata bejn is-sessi.
Jidher iżda li dan ma kellux effett fuq l-elettorat li mar jivvota nhar is-Sibt.
Claudette Buttigieg f'isem il-PN kienet qalet fil-Parlament li l-istatistika turi li Malta marret lura f’dak li għandu x’jaqsam mal-ugwaljanza tan-nisa fis-soċjetà. Hija kienet qed tikkwota statistika ppubblikata mill-Forum Ekonomiku Dinji fil-Global Gender Gap Index.
Finalment, iit-tbeżbiża prorpja jagħtiha sondaġġ tal-Unjin Inter-Parlamentari, ibbażat fuq informazzjoni li l-parlamenti nazzjonali għaddewlha sa xahar ilu, li wera kif Malta kklassifikat fil-143 post minn 193 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ perċentwal ta’ nisa fil-parlament.
Malta tinsab taħt il-Gwatemala, u fuq il-Palaw. Fuq quddiem nett hemm ir-Rwanda, il-Bolivja, Kuba u l-Finlandja.