Sean Penn kien iltaqa’ b’mod sigriet ma’ El Chapo

Id-direttur u attur Amerikan Sean Penn, iltaqa’ b’mod sigriet mal-baruni Messikan tad-droga El Chapo, għal intervista li dehret fuq il-websajt tar-rivista Rolling Stone. 
Penn ikkonferma li El Chapo, ikkunsidrat bħala wieħed mill-akbar traffikanti tad-droga fid-dinja kollha, ried li jinġibed film dwar ħajtu.  
Il-laqgħa ta' bejniethom saret fit-2 ta’ Ottubru li għadda, fil-quċċata ta’ muntanja li tinsab f’ġungla fil-Messiku. 
Fl-intervista, il-baruni tad-droga ftaħar li hu wieħed mill-akbar traffikanti u li għandu flotta ta’ ajruplani, trakkijiet, bastimenti u sottomarini. 
It-titlu tal-intervista hu Jitkellem El Chapo – Żjara sigrieta lir-raġel l-aktar imfittex fid-dinja.  Mal-artiklu hemm ukoll ritratt ta’ Sean Penn jieħu b’idejn El Chapo. 
Tmint ijiem wara l-ewwel intervista, suppost kellha ssir laqgħa oħra għat-tieni artiklu, iżda din qatt ma saret u minflok, El Chapo kien bagħat filmat bit-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ Sean Penn.