Appell lil Malta biex iddaħħal 32 immigrant

Chris Grodotzki/Sea-Watch

L-għaqda mhux governattiva Sea Watch qiegħda tappella lil Malta, l-Italja, Spanja, l-Olanda u l-Ġermanja biex juru ħniena mat-32 immigrant li salva l-bastiment Sea-Watch 3 nhar is-Sibt li għadda, wara li dawn il-pajjiżi rrifjutaw li jagħtu dar u sigurtà lill-immigranti għall-Milied.

Fost dawn l-immigranti hemm 4 nisa, 3 minorenni mingħajr ġenituri, 2 itfal u tarbija. Abbord hemm ukoll 22 membru tal-ekwipaġġ.

Philip Hahn, li huwa l-Kap tal-Ħidmiet ta’ Salvataġġ fuq Sea-Watch 3 qal li ilhom 6 ijiem jiġu miċħuda. Qal ukoll li għandhom numru konsiderevoli ta’ provvisti abbord, iżda t-temp mhuwiex qed jgħin is-sitwazzjoni.

Hahn qal li l-Ġermanja u l-Ewropa mhux qed juru l-umanità tagħhom billi jwarrbu r-responsabbiltà. Qal li l-Ewropa għandha tieħu responsabbiltà u l-Ġermanja għandha tkun ta’ eżempju tajjeb, wara li fil-Ġermanja, aktar minn 30 belt iddikjarat lilha nfisha post sigur li lest li jgħin lil dawk f’diffikultà bejn sema u ilma.

Żminijietna tridhom Malta

L-organizzazzjoni xellugija Żminijietna wkoll qed tappella lill-Gvern biex jipprovdi kenn lit-32 immigrant.