Sea-Watch 3 jankra fil-Port ta’ Katanja

Sea Watch 3

Is-47 immigrant li kienu jinsabu fuq il-bastiment Sea-Watch 3 illum waslu fil-port ta’ Katanja wara li l-Italja aċċettat li toffrilhom port ta’ sigurtà. Dan ġie rrappurtat mis-sit Taljan Ansa.it.

Huma kien ilhom 12-il jum bejn sema u ilma. Wara sebat ijiem jitkarrbu għal port ta’ sigurtà, fil-25 ta’ Jannar tħallew jidħlu viċin il-port ta’ Sirakuża u jankraw hemm sabiex jistkennu mill-maltemp u l-baħar imqalleb.

Is-47 immigrant abbord Sea Watch 3 se jitniżżlu fl-Italja

L-immigranti, inkluż 15-il minuri mhux akkumpanjati niżlu minn fuq il-bastiment mgħannqa ma’ xulxin, ferħanin li sa fl-aħħar setgħu jinżlu fuq l-art u mhux jibqgħu insiguri mill-futur tagħhom. Il-Gvern Taljan kien qed jirrifjuta li jħalli l-bastiment tal-NGO Sea-Watch jidħol l-Italja bħala parti mil-policy li jirrifjuta l-aċċess għall-portijiet Taljani minn bastimenti tat-fittix u s-salvataġġ.

Huma tħallew jankraw fil-port biss wara li l-Gvern Taljan daħal f’kompromess ma’ sitt pajjiżi oħra sabiex il-piż ta’ dawn l-immigranti jinqasam. Il-pajjiżi huma l-Italja, Malta, il-Ġermanja, Franza, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Lussemburgu.